Stejjer...

Il-kejk u l-biskuttini tal-Arċipriet

L-erbgħin jum tar-Randan kienu gerbbu ġimgħa wara ġimgħa. Il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir kienu ċċelebrati bis-solennita` li tixirqilhom. Addijo bajd tal-Għid u figolli! Issa t-temp kien jibbnazza dejjem iżjed. Kien beda żmien it-tberik tal-familji wkoll. L-uffiċċju parrokkjali qassam fuljett f’kull dar bid-dati tat-tberik għal kull triq fir-raħal bħas-soltu. Il-mama` qagħdet attenta li ssib id-data tat-triq tagħha preċiża u niżlitha fuq l-almanakk tal-kċina bħala ġurnata importanti. Fil-fuljett parrokkjali kien hemm enfasi li kull familja tilqa’ bi ħġarha lill-Arċipriet l-ġdid, Dun Frans Busuttil li kien ilu r-raħal għal dawn l-aħħar xhur. Il-mama` u l-papa` qraw il-kliem iswed fuq l-abjad b’reqqa kbira, u qatgħuha li jippreparaw ruħhom tajjeb ħalli jagħtuh merħba mistħoqqha. alt
 
Ftit ġranet wara, il-mama` marret għand Ċetta tal-grocer u xtrat id-dqiq, il-bajd, il-butir tat-tisjir, il-lewż, iż-żbib u z-zokkor biex issajjar ftit ħelu bnin kif taf hi. Bagħtet ukoll lill-papa` jixtri flixkun whisky ħalli jagħtu grokk minnu lill-Arċipriet. Il-whisky swieh sold mhux ħażin għax kien wieħed mit-tajbin nett.
 
Dakinhar tat-tberik, id-dar kienet tleqq minn fuq s’isfel. Fis-salott, il-mama` firxet tapit aħmar u għamlet bukkett fjuri friski fil-buqar ta’ fuq il-mejda. Fil-kċina kien hemm riħa tfuħ taqsamlek qalbek. Il-mama` kienet xammret il-kmiem u bdiet tħawwad il-kejk minn filgħodu kmieni. Qalgħet idejha ddawwar bl-imgħarfa tal-injam sakemm ħalltet l-ingredjenti kollha flimkien billi l-cake mixer inzertat bil-ħsara. Meta dehrilha, qabdet it-taħlita, ferrgħetha f’reċipjent tond u tefgħetha fil-forn. Wara ħawdet it-taħlita tal-biskuttini tal-lewż, qegħdithom fejn xulxin f’reċipjent ieħor bil-karta tal-ostja taħthom u għamlithom fil-forn ukoll. 
 

Mawra Sal-Bandli

Għodwa waħda l-mama` u l-papa` qamu kmieni iżjed mis-soltu għax riedu jgħaddu jaraw liz-ziju Toni l-isptar, li kien marid sew, qabel jerħulha għax-xogħol. B’hekk libsu f’kemm trodd salib u ħadu l-kolazzjon, iżda Luca u Elise kienu għadhom mitlufin fl-isbaħ raqda u ma kellhomx ħeġġa biex iqumu. Għall-ħabta tas-sebgħa nstemgħet taħbita ħafifa fuq il-bieb ta’ barra li kienet tindika l-wasla tan-nanna Marija, omm il-mama`. Hija dejjem kienet tieħu ħsieb lit-tfal meta l-mama` u l-papa` ma jkunux id-dar. altBħas-soltu telgħet it-taraġ inkiss inkiss u baqgħet dieħla fil-kamra tas-sodda li kienet għadha kemxejn mudlama billi l-purtieri kienu magħluqin. Malli ntebħu bil-preżenza tagħha, Luca u Elise malajr tajru n-ngħas u tbissmulha qishom żewġ anġli żgħar. In-nanna għenithom iqumu mis-sodda, ħaslithom u libbsithom pulit għax riedet toħroġhom billi kien bnazzi. Tgħidx kemm kien jixraqlu l-jeans lil Luca, u l-qmis blu bir-kaxex sofor kienet tagħtih id-dehra ta’ raġel żgħir. Elise, li kienet sentejn akbar minn ħuha, kienet qisha sinjorina żgħira b’dik il-libsa ħamra tgħajjat u bis-sandli pariġġ.

   

Follow Us

Newsflash: