Qattus spjun li nqatel mal-ewwel prova

altId-darba li ġejja, meta tkun se tmelles qattus għar-raqda ta’ wara nofsinhar, oqgħod attent li ma jkunx se jisraqlek xi sigrieti li jkollok. Almenu dan kien dak li fis-snin sittin, is-CIA kienet qed tittama li tagħmel, meta ħasbet li lill-qtates iddawwarhom fi spjuni.
 
Bħala parti minn esperiment klandestin, magħruf bħala Operation Acoustic Kitty, veterinarju tqabbad jimpjanta microchip fil-kanal ta’ widna ta’ qattus u transmitter ċkejken fil-kranju tal-annimal, biex il-fil tal-antenna jinħeba fis-suf twil u abjad tiegħu.
 
Il-pjan kien biex il-qattus jagħmilha ta’ aġent sigriet u jkun kapaċi jikxef il-pjani tal-uffiċjali Russi u jispjunalhom il-konverżazzjonijiet privati tagħhom, sempliċiment billi jkun maġenbhom.
 
Iżda l-mexxejja tal-proġett malajr saru jafu li l-qtates, kontra l-klieb, la tant jieħdu ordnijiet u lanqas jitħarrġu malajr.
 
Dan l-esperiment jinsab imniżżel fil-ktieb ġdid bl-isem Frankenstein’s Cat: Cuddling up to Biotech’s Brave New Beasts.
 
Emily Anthes, l-awtriċi, kitbet li biex jippruvaw l-esperiment, l-uffiċjali tas-CIA ħadu lill-qattus, li semmewh James Bond, fi ġnien u ppruvaw jirrekordjaw konverżazzjoni bejn żewġt irġiel bilqiegħda fuq bank.
 
Iżda b’xorti ħażina, dan il-qattus ma wettaqx il-prova, għax ġera għat-triq, fejn mill-ewwel ittajjar minn karozza.
 
Wara dan il-każ diżastruż,  Operation Acoustic Kitty twarrbet għal kollox wara li kien allegat li l-gvern kien nefaq 20 miljun dollaru biex mill-qattus traġiku jiġbor l-informazzjoni meħtieġa.
 

Follow Us

Newsflash: