Laqtiet

Xewqa ta’ omm mitmuma sal-aħħar

altMeta fl-1944, Tony Clarke ħareġ mid-dar f’Kidderminster, biex jingħaqad mal-RAF, ommu, emozzjonata għall-aħħar qaltlu: “Nittama li nerġa’ narakom ilkoll lura d-dar.”
 
Kienet tabilħaqq xewqa ħerqana ta’ mara u omm li kienet rat lis-sitt uliedha jitilqu wara xulxin għall-gwerra.
 
U x-xewqa u t-talb tagħha kienu mismugħin, għax mhux talli reġgħu lura mingħajr ebda feriti, iżda talli ħamsa minnhom għadhom ħajjin minkejja li qabżu d-90 sena.
 
Huma jgħixu fil-kontea ta’ Worcestershire, ilkoll jirrakkuntaw il-ħrejjel tal-kunflitti li ltaqgħu magħhom fil-gwerra. Herbert, ta’ 99 sena u Tom ta’ 97 jgħixu f’Bewdley, Peter ta’ 95 jgħix f’Droitwich, Paul ta’ 92 f’Martin Hussingtee u Tony ta’ 90 sena fid-dar li kellhom f’Kidderminster. Ħuhom l-ieħor Ken, li serva f’Burma, miet fl-1982, l-aħwa jiltaqgħu spiss u dejjem jirrakkuntaw xi silta minn ħajjithom barra minn pajjiżhom.
 
Wieħed minnhom jiftakar li ltaqa’ mat-tifla tad-Dittatur Taljan Benito Mussolini,  ieħor kien mistieden tal-Maharajah fl-Indja u ħuhom ieħor kien milqugħ mill-Papa Piju VII fil-Vatikan.
 
Herbert kien l-ewwel wieħed li nkiteb, fl-1940. Serva bħala sewwieq sakemm ingħaqad mar-Royal Electrical and Mechanical Engineers (REME) biex jitħarreġ bħala mekkanik tar-radar.
 

Tattwaġġi b’tifkira

altIva, dan li qed taraw fir-ritratt hu David Beckham, li l-arti tat-tattwaġġ fuq ġismu ġmielha qed timlielu laħmu.
 
Dan l-aħħar żied tattwaġġ ieħor… bin-numru ‘99’, biex ifakkar waħda mill-aktar snin ta’ ferħ f’ħajtu. U hu mistenni li jżid numru ta’ tattwaġġi żgħar oħra fuq ġismu, li ġa hu miksi sew.
 
Kif għedna, l-aħħar tattwaġġ – in-numru 99 – sar fuq sebgħu ż-żgħir ta’ idu. Sar biex ifakkar is-sena li fiha żżewweġ lil martu Victoria.
 
Fuq Instagram, il-footballer irtirat qal li dan in-numru jfakkru fis-sena taż-żwieġ, li jqisha bħala waħda meraviljuża. Xi ġimgħat qabel, naqqax il-kliem Pretty Lady fuq isem bintu Harper, li kien fuq għonqu, u dan għamlu biex ifakkar ir-raba’ sena mit-twelid tagħha.
 
Waqt li Beckham għandu aktar minn 40 tattwaġġ, l-aktar viżibbli huma dawk li fihom l-aktar tifsir…
 
1.    99 – Is-sena li fiha żżewweġ lil martu Victoria.
2.    Pray for me
3.    Anġlu bil-kliem: Let them hate as long as they fear.
4.    Salib bil-ġwienaħ.
5.    Pretty Lady – Għal bintu, Harper.
6.    Harper – L-isem tal-unika bint.
7.    Ġesù mgħolli mill-Kerubini.
8.    L-istilla ta’ David.
9.    Grandad – b’tifkira għal nannuh Joe.
 

Il-bacon: Tieklu jew ma tiklux?

altDan l-aħħar smajna ferm fuq kemm hu ħażin il-laħam proċessat u l-bacon, għax skont studji li saru, jafu jqabbdu l-kankru. Niftakar żmien meta kienu joħorġu reklami fuq kemm kienet tajba t-tali jew it-tali xarba. Jgħaddi ż-żmien u l-kumpaniji tal-marketing ixellfu dan kollu u jibdew jgħidu li xarba skura hi ħażina għas-saħħa. L-istess il-bajd. Dari konna nixorbu l-bajda minn taħt it-tiġieġa, appena tbidha.
 
Sa ftit żmien ilu kien hawn min jgħid li l-bajd hu ħażin għas-saħħa. Issa reġa’ hawn min isostni li bajda iebsa ma tagħmel l-ebda deni u ma fihiex kolesterol. Allura jista’ jkun li dawn huma affarijiet tal-marketing?
 
Minn xi tiftix li għamilt sibt li fil-fatt hawn min hu tal-fehma li l-bacon fih ħafna valuri għas-saħħa. Pereżempju l-proteini li fih iżommulna l-livelli tal-enerġija fl-aqwa tagħhom mingħajr ma jħaxxnu wisq.
 
Studji li saru f’diversi universitajiet u ċentri mediċi wrew li meta dak li jkun jinkludi l-bacon b’mod naturali bħala parti mid-dieta tiegħu, ikun qed inaqqas il-pressjoni u l-livelli tad-dijabete, kif ukoll ibiegħed lilu nnifsu minn attakk tal-qalb jew puplesija.
   

L-eqdem kalkulatur fid-dinja

alt
Aktar minn mitt sena mindu nstabu oġġetti xjentifiċi f’qiegħ il-baħar, l-esperti qed jittamaw li jirnexxilhom isibu aktar sigrieti. Dan permezz ta’ teknoloġija ferm aktar moderna fl-għadis.
 
Arkeologi Griegi u Amerikani qed iħufu madwar in-nawfraġju ta’ bastiment antik Ruman f’Antikythera, billi jilbsu l-Exosuit – libsa tal-għadis mill-aktar moderni – li tippermettilhom jinżlu aktar mid-doppju tal-fond li kienu jinżlu.
 
Fl-1900 l-għaddasa kienu sabu dak li ssejjaħ il-Mekkaniżmu t’Antikythera – makkinarju tas-seklu tnejn qabel Kristu, li jitqies bħala l-aktar kompjuter qadim tad-dinja. Is-sejba saret ’il barra mill-gżira Griega.
 
Dan kien mekkaniżmu avvanzat immens, użat mill-Griegi tal-qedem biex jistudjaw iċ-ċikli tas-sistema solari. Tant kien avvanzat dan l-arloġġ li kellhom jgħaddu 1,500 sena oħra biex fl-Ewropa ntlemaħ arloġġ ieħor sofistikat bħalu.
 

Tiħux qatgħa! Skultura miz-zkuk u l-weraq

altĦafna residenti barranin ikunu kuntenti jekk bħalissa jaqtgħu l-ħaxix li jikbrilhom fil-ġnien, jew mad-dawra tad-dar tagħhom. Issib ukoll lil min, bil-paċenzja kollha jifforma nanu mill-ħaxix li jkollu. 
 
Iżda newrologu ma għamilx bħalhom u ma qabilx mal-idea li jneħħi l-ħaxix kollu. Tant li qatta’ 20 sena sħaħ jiskultura għamliet fantastiċi mill-ħaxix ‘ħażin’ li jikbirlu. Waħda minn dawn l-iskulturi taz-zkuk u weraq tifforma r-ras ta’ katavru. U issa, li riesaq il-halloween, dak li jkun, ma jridx jibża!
 
In-newrologu hu Jeremy Gibb, li joqgħod f’Welwyn Garden City, li din is-sena skolpa r-ras li semmejna u par idejn ġganteski, telgħin jiggranfaw lejn is-saqaf tad-dar, f’tul ta’ 15-il pied. Ir-ras li għamel, tinsab fuq quddiem tad-dar tiegħu, biex min iżuru, flok ma jingħata merħba mill-fjuri, jsib lilha tilqgħu. Ir-residenti tat-triq spiss jieqfu jammiraw id-disinji, fil-ġenb tad-dar li tiswa 800,000, b’figuri oħra li wettaq, ta’ serje ta’ annimali id f’id.
 
Is-sengħa ta’ dawn id-disinji, tissejjaħ topiary u taf nienet sew matul is-seklu 18. Huma l-waħdiet li għadhom jagħrfuha u jħaddmuha. L-istess arti bdiet titħaddem mill-Eġizzjani, fis-sena 4,000 qabel Kristu, meta bdew jiżbru b’mod pulit l-arbuxelli u jagħmluhom forma ta’ kaxxi. Imbagħad ir-Rumani introduċew id-disinn fl-Ewropa wara li l-istess disinji ta’ kaxxi bdew isiru fid-djar kbar matul ir-renju tal-Imperatur Augustu fis-sena 100 qabel Kristu.
 
   

Żwieġ tal-itwal xbejba

altL-itwal xbejba tal-Brażil kellha tkun l-itwal għarusa tad-dinja wara li n-namrat  tagħha pproponielha ż-żwieġ.
 
Il-mudella Elisany da Cruz Silva, li hi twila sitt piedi u tmien pulzieri, kienet ilha toħroġ mal-għarus tagħha Francinaldo da Silva Carvalho, li hu twil ħames piedi u erba’ pulzieri, għal aktar minn tliet snin.
 
Minkejja d-differenza ta’ pied u erba’ pulzieri bejniethom, Francinaldo ma sab ebda problema biex inkina fuq sieq waħda f’xatt il-baħar u jitlobha ssir martu.
 
Il-koppja kienet ilha sena tgħix flimkien f’dar żgħira, fil-belt Brażiljana ta’ Salinopolis, u qed tispera li ma ddumx ma tisma’ l-ħsejjes ta’ saqajn żgħar iduru fid-dar.
 
altElisany tant tixtieq li jkollha tarbija, li qalet li jekk ma tinqabadx tqila malajr, lesta tadotta. Dan għalkemm għad għandha biss 18-il sena.
 
Iżda l-biża’ tagħha hu li jkunx jista’ jkollha tfal minħabba l-iġgantiżmu li beda jifforma fiha, wara li kibrilha tumur fil-glandola pitwitarja. Madankollu, il-koppja, xorta waħda qed tfittex li jkollha ħajja twila b’relazzjoni ta’ mħabba li nsibu fl-istejjer tas-sħarijiet.
 
Għall-bidu, il-ġenituri ta’ Elisany ma ridux jemmnu li riedet tiżżewweġ. Issa qed ilestu bis-sħiħ għal din il-festa ta’ binthom.
 
 

Kanuni tal-ilma għal kontra ċ-ċpar

alt
Iċ-ċpar u t-tinġis tal-arja qed joħolqu problemi ambjentali fiċ-Ċina.
 
Iżda belt fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż hi deċiża tiġġieled kontra l-arja maħmuġa, u biex tagħmel dan mhi tuża xejn għajr ilma tal-vit użat u mhux mormi.
 
Dan l-aħħar, residenti f’Lanzhou, il-kapitali tal-provinċja Chinas Gansu, sabu li żewġ sprayers ġganteski twaqqfu fil-Pjazza Dongfanghong, fejn qed jinbena stazzjon taħt l-art għall-ferrovija Metro Line 1.
 
Iż-żewġ sprayers long-range huma kapaċi jtajru l-ilma tal-vit biex jeqred it-trab u ċ-ċpar f’firxa ta’ 600 metru u naqqsu t-tinġis tal-arja.
 
Martyn Chipperfield, Professur tal-Kimika Atmosferika fl-Università ta’ Leeds, qal li bħal bosta bliet oħra Ċiniżi, Lanzhou għandha problema kbira ta’ ċpar. Permezz tal-kanuni li jisparaw l-ilma b’qawwa enormi, l-istess ilma jitla’ hu wkoll bħal ċpar fin, jaqbad mal-partikoli tat-tinġis, jagħmilhom ikbar milli jkunu u jaqgħu fid-dinja minħabba l-gravità.
 
It-tinġis fiċ-Ċina ġieli kien tant qawwi li l-ajruplani ma jkunux jistgħu jtiru, it-toroq jingħalqu u jintlaqat in-numru ta’ turisti li jkunu se jżuru l-pajjiż.
 
Issa jrid jinstab jekk dawn il-kanuni tal-ilma jistgħux iservu bħala soluzzjoni fit-tul fiċ-Ċina kollha.
 
   

Page 1 of 18

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: