L-ajruplani privati ta’ Elvis Presley

altMinn Graceland ħarġet l-aħbar li l-Lisa Marie u l-Hound Dog II, iż-żewġ ajruplani li kienu ddisinjati u nbnew għal Elvis Presley, se jibqgħu b’mod permanenti f’Memphis, fejn l-attrazzjoni turistika hi ċċentrata fuq il-ħajja u l-karriera tal-kantant.
 
Dan l-avviż temm il-konfużjoni li nħolqot fuq il-futur tal-istess ajruplani, li kienu jintużaw mir-Re biex ikun jista’ jivvaġġa u jmur jagħti l-wirjiet, wara li xtrahom lejn tmiem is-snin sebgħin.
 
L-ikbar ajruplan, Convair 880, issemma’ Lisa Marie, għal bint Elvis. Minn ġewwa qisu karozza lussuża li ttir. Fih kamra tas-sodda kbira, sistema stereo, kamra tal-konferenzi u l-vitien tal-kamra tal-banju huma miksija bid-deheb. Kien irranġat hekk wara li Elvis xtrah mingħand id-Delta Air Lines u tar bih l-ewwel darba f’Novembru tal-1975.
 
Meta l-kantant miet, fis-16 ta’ Awwissu 1977, il-pilota ta’ Elvis tajjar il-Lisa Marie sa Kalifornja biex ħa lil Priscilla Presley, l-eks mara tal-kantant, f’Memphis.
 
L-iżgħar ajruplan, li hu JetStar u ssemma’ Hound Dog II, ukoll intuża minn Presley.
 
Wara l-mewt ta’ Elvis, iż-żewġ ajruplani nbiegħu lill-kumpanija bl-isem ta’ OKC Partnership.
 
Minn nofs is-snin tmenin, din il-kumpanija u Graceland qablu li jipparkjaw l-ajruplani fi Graceland, fejn saru żewġ oġġetti mill-aktar mistennija mit-turisti, biex jarawhom minn ġewwa.
 
Iżda għalkemm il-ftehim li kien hemm iċċajpar xi ftit is-sena li għaddiet, issa jidher li ħarġet ix-xemx u kien deċiż li l-ajruplani jibqgħu f’posthom għal dejjem.

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: