Il-Praspar ta' Donna

Donna terġa’ tagħmilha

altDonna kienet żaqqieqa mill-kbar. Kienet l-hena tagħha tgerrem il-gallettini, u tnaqqar xi biċċa ċikkulata milli ssib fl-armarju tal-kċina tan-nanna. Xħin tinzerta waħidha kienet tagħmel dan ħalli tiekol kemm trid bla ma ħadd jgħidilha xejn. Dan l-aħħar bdiet tiżżaqqaq, u l-mamà qaltilha biex tnaqqas mill-piż għax il-ħxuna kienet ħażina għaliha. Imma kliem il-mamà waqa’ fuq widnejn torox, u Donna ma semgħetx minnha.
 
Darba minnhom, il-mamà xtrat flixkun żejt taż-żebbuġa lokali mingħand tal-merċa. Meta marret lura d-dar sabet lil Donna qed tistennieha fil-kċina. Staqsietha x’kien fih dak il-flixkun żgħir li ħarġet mill-basket tax-xiri, u hi weġbitha li kien mimli biż-żejt taż-żebbuġa. Donna waqgħetilha żaqqha, u talbitha tagħmlilha biċċa ħobż bih. Il-mamà ma qaltilhiex le, għax iż-żejt taż-żebbuġa sustanzjuż għas-saħħa, mhux bħall-ħelu li hu mimli biz-zokkor. Ħarġet sikkina mill-kexxun tal-pożati, qattgħet biċċtejn ħobż, ferrgħet fuqhom ftit żejt taż-żebbuġa, u qegħdithom fi platt quddiem Donna li kien qed tistennieh fuq ix-xwiek bi tbissima fuq fommha.
 
Dak il-ħobż frisk biż-żejt taż-żebbuġa tassew kien ifuħ, u kif Donna daqitu tgħidx kemm għoġobha. Kellu togħma tajba wisq. Xħin kilitu, riedet ftit ieħor, iżda l-mamà qaltilha li għal dakinhar kienet kielet biżżejjed għax ħafna ħobż biż-żejt kien jagħmlilha d-deni.
 

Donna taparsi tqum ma tiflaħx

altFix-xitwa Donna kien l-għors tagħha titgeddes qalb il-kutri. Xejn ma kien ikollha aptit tneħħi dak il-friex u dik il-piġama minn fuqha biex tilbes l-uniformi, u tmur l-iskola. Dejjem ħaddmet rasha mill-aħjar li setgħet ħalli tibqa’ rieqda fis-sodda f’xi ġurnata kiesħa.
 
Jum fost l-oħrajn, it-temp kien ċlampu, u s-sema kien miksi bi sħab ġriż. Kien jidher ċar li se tfaqqa’ xi maltempata kbira. Fis-sitta u nofs Donna stenbħet minħabba t-tisfira tal-iżveljarin. Kieku setgħet kienet issabbtu mal-art għax fakkarha li trid tqum tipprepara għall-iskola. Billi dakinhar kienet ġurnata kemxejn mudlama, u kien ukoll ħafna bard, Donna qatgħetha li ma tqumx minn hemm. Bdiet taħseb kemm se tkun kerha l-klassi bil-purtieri magħluqin. U jekk tfaqqa’ xi sajjetta u jinqata’ d-dawl, min jaf kemm kienet tibża’! B’dal-ħsibijiet iduru f’moħħha, Donna reġgħet tgħattiet sa fuq widnejha bil-kutri, u għalqet għajnejha ħalli terġa’ tintilef fid-dinja tal-ħolm għax dakinhar żgur li ma kienx galbu biex tmur l-iskola.
 

Il-biża’ mill-ħallelin

altIz-zija Becky kienet titwerwer bil-bosta mill-ħallelin. Kellha għalxiex tibża’ għax in-naħa tagħha sikwit kienu jisirqu minn xi dar jew ħanut. Mistagħġbin kemm kien hemm ħallelin tal-prima klassi! Ma setgħu jinqabdu b’xejn. Iz-zija kienet tiftaħ par widnejn daqsiex kull darba li tisma’ b’xi serqa ġdida fil-ħanut tal-merċa. Matul il-jum kienet tedha fil-faċendi, iżda hekk kif jibda jroxx id-dlam kienet titlaq kollox minn idejha biex tfittex issakkar il-bieb ta’ barra, u tpoġġi l-istanga warajh. Wara kienet ddur kull tieqa ħalli tagħlaqha sew ma jmurx jidħlilha xi ħadd billejl.
 
Xħin jasal imbagħad ħin l-irqad, iz-zija kienet issakkar il-bieb tal-kamra tagħha, u tressaq il-gwardarobba warajh bi tbatija liema bħalha. Kienet tieħu battikata kull filgħaxija sakemm tbattalha mill-ħwejjeġ kollha biex ittaffi mit-toqol tagħha ħalli tkun tista’ tkaxkarha sa wara l-bieb. Li kieku ma kinitx tagħmel hekk, żgur li ma kinitx tagħlaq għajn m’għajn. Għall-inqas b’dal-mod setgħet isserraħ xi ftit moħħha li ħadd ma kien se jitfa’ l-bieb ġewwa kif ġieb u laħaq, u jagħtiha xi qatgħa fatali.
 
Darba waħda, ħuha Toni mar iżurha flimkien ma’ martu Rita u ċ-ċkejkna tagħhom Donna. Waqt li kienu lkoll madwar il-mejda tal-ikel jixorbu t-te, u jnaqqru biskuttin, id-diskors waqa’ fuq is-serq. Iz-zija wriethom kemm kienet imħassba u inkwetata minħabba dawk l-imberkin ħallelin, u li kienet qiegħda tistenna li xi darba għad jisimgħu li serquha. 
   

L-irtokk aħmar max-xufftejn

altGħodwa waħda, in-nanna ta' Donna marret tagħmel qadja importanti. Donna baqgħet id-dar man-nannu. Kif kienu waħidhom ghall-kwiet, in-nannu poġġa maġenbha fuq is-sufan, u qagħad jaqralha storja dwar il-prinċipessa s-sabiħa ta' xagħarha twil u dehbi li kienet tħobb tiżbogħ xufftejha bl-irtokk aħmar ghall-ballijiet. Donna ħadet interess liema bħalu f'din l-istorja għax bdiet tistħajjilha l-prinċipessa billi hi wkoll kellha xagħarha kemmxejn safrani. In-nannu tgħidx kemm ħa gost biha meta raha daqshekk kwieta dakinhar. Ħaseb li forsi sa fl-aħħar kienet qed trabbi l-għaqal. Kemm kien sejjer żball!
 
Ħin minnhom, in-nannu kellu bżonn jillarga ftit biex imur sal-kamra tal-banju. Wissa lil Donna biex ma tqumx minn fuq is-sufan sakemm ma jkunx hemm hu. Xi kwarta wara, mar lura ħdejha, u hi qaltlu bi tbissima: "Ħellow, nannu." Iżda xħin in-nannu ħares lejha biex ikellimha, baqa' skantat. Donna kellha xufftejha miksijin b'xi ħaġa ħamra mill-ewwel 'l hawn. In-nannu ma setax jifhem x'kien ġralha. Qabad iħokk rasu għax beda jinkwieta bis-serjeta'. Beża' li setgħet qasmet xufftejha b'oġġett li jaqta', u ħarġilha ħafna demm.
 
Kif ratu abjad karti bl-inkwiet, Donna infaqgħet tidħak f'wiċċu għax indunat li kien qiegħed jaħseb ħażin għalxejn. Meta staqsieha għalfejn kellha xufftejha ħomor nar, hija qaltlu li malli ratu dieħel fil-kamra tal-banju, marret tfittex l-istoċċ tal-“lipstick” tan-nanna fil-kexxun tal-komodina, u hekk kif ġie f'idejha dellket ftit “lipstick” ma' xufftejha bħalma kienet tagħmel il-prinċipessa tal-istorja tan-nannu.
 

Il-ktieb tar-riżultati

alt

Donna kienet tinqala’ għall-praspar, iżda qajla kienet tagħti kas l-istudju. Il-qatla tagħha kienet li tqum filgħodu kmieni għall-iskola, u kemm-il darba kienet tara kif tagħmel biex tfalli xi ġurnata, taparsi qamet ma tiflaħx. Fil-klassi ma tantx kienet toqgħod ħsiebha fil-lezzjonijiet, u l-homework kienet tagħmlu kif ġie ġie biex tfittex teħles minnu ħalli toqgħod tilgħab.
 
Meta waslu t-testijiet tal-aħħar tas-sena, Donna ma studjatx. Ftit ġimghat wara, l-għalliema tatha l-ktieb tar-riżultati, bħalma għamlet lil sħabha tal-klassi, u qaltilha biex tieħdu d-dar ħalli tarah u tiffirmah il-mamà matul il-weekend, u mbagħad terġa’ tagħtihulha t-Tnejn ta’ wara. 
 
Iżda dan il-ktieb baqa’ ma rritornax għand l-għalliema. Għalhekk din ċemplet lill-mamà ħalli tara kienx wasal għandha l-ktieb tar-riżultati ta’ Donna. Il-mamà weġbitha li ma kienet rat ebda ktieb. Quddiem l-għalliema, Donna qabdet tħokk rasha, u qalet li ma kinitx taf fejn hu. L-għalliema baqgħet imbellha. Tgħid fejn kien sparixxa l-ktieb?
 
Il-ktieb tar-riżultati nstab xi jiem wara fid-dustbin tal-klassi mill-fattiga tal-iskola li ħallietu fuq il-mejda tal-għalliema. Donna kienet remietu hemm, u għamlet tabirruħha li tilfitu. Ma riditx turih lill-mamà ma jmurx tagħmel xi għamla għaliha talli marret ħażin fit-testijiet. U jekk il-mamà kien ifettlilha tgħid b’kollox lin-nannu, min jaf kemm kien jirrabja magħha għax dejjem kien iridha tistudja biex tkun brava fis-suġġetti kollha!
 
L-għada filgħodu l-fattiga qalet lill-għalliema bis-sejba tal-ktieb fid-dustbin. L-għalliema riedet lil Donna tispjegalha għala kienet remietu. It-tifla bdiet tlaqlaq għax għalkemm kienet ittantat teħles minnu ħafif ħafif, kienet inqabdet. L-għalliema basret li kienet għamlet hekk ghax riedet tiżgiċċa mill-mamà. B’hekk reġgħet ċemplitilha biex tgħarrafha għaliex il-ktieb tar-riżultati ta’ bintha ma kienx wasal għandha. 
 
Dakinhar Donna qalgħet ċanfira doppja: waħda mingħand l-għalliema talli m’obdithiex meta qaltilha biex tieħu l-ktieb tar-riżultati magħha d-dar; u oħra mingħand il-mamà talli ħbiet minnha r-riżultati tat-testijiet. Donna talbithom jaħfrulha, u wegħdithom li qatt aktar ma terġa’ tagħmel dil-praspura. Ma nafx jekk emmnuhiex għax il-praspar Donna kienet tikolhom bil-ħobż.
   

Page 1 of 3

Follow Us

Newsflash: