Ħsieb: Joseph Henry Abela

3. Għall-Kirjanza

Kemm hawn min jaf jitkellem u togħxa tisimgħu u l-kliem li jingħad idoqq kordi ħelwin ġo qalbek u toħroġ b’għajnejk jgħumu fil-fehma u qalbek tintelaq tistrieħ.  Iżda l-miżien jurik jekk il-kliem li nstema’ kienx mill-qalb jew mill-fomm.

Mhux darba tnejn, tlieta’, erbgħa.  Kemm nixtieq nistiednek id-dar u nitkellmu. Kemm xtaqt inżurek l-isptar. Kemm nieħu pjaċir niltaqa’ ma’ ommok u missierek. Bik ħdejja d-dinja tħossha teħfief.

Għidut bħal dan intqal u billi tkun fl-uġigħ temmnu u maż-żmien tintebaħ bid-daqqiet f’qalbek li min qalu semma bil-ħsieb li jaqlik, li jżommok biered u kwiet u hu jibqa’ għaddej bi ħsiebu.

 

2. Għeluq

“Kemm nixtieq ngħix ġo toqba fejn la nara u lanqas nisma’.”  Id-daqqiet tal-ħajja jġagħluk taħseb u tfittex il-kenn, toqgħod qrib min taf, u tiltaqa’ ma’ min jogħġob lilek. Tkun qisek brimba tgħix fuq l-għanqbuta tiegħek.

Iżda b’hekk qatt ma tinfetaħ u tgħix il-ħajja tiegħek għax ikollok kollox maħsub u komdu.  Jien ġieli tlajt Għawdex bil-vapur u bil-mixi u tieqaf fl-ewwel ħanut li ssib miftuħ u titrejjaq?  Ġieli qrajt xi ktieb b’ilsien li taf u li qatt ma tħajjart taqra?  Ġieli mort dawra sal-isptar u tara qraba deħlin u ħerġin?  Ġieli jekk tista’, rsaqt biex tagħti d-demm?  Ġieli ppruvajt tagħmel ħbieb ġodda f’librerija, f’każin?  Ġieli tħajjart tmur tara logħba ballun Ta’Qali, l-Mosta u tara x’inhu jiġri?  Ġieli dħalt f’xi kappella mwarrba għal xi ħames minuti u tiftakar fil-bdiewa li kienu jżuruhażminijiet ilu?

 

1. Hena

Aktarx titbissem u tlissen f’qalbek li hawn min baqa’ joħlom, hekk kif tinstema’ l-kelma u jitfisser il-ħsieb li bniedem jista’ jġarrab il-milja tal-qalb.

Jista’ jkun li fiż-żgħorija jkollna għax moħħna jtir bla lgiem, u fiż-żgħożija nduquha għax qalbna timraħ. Iżda meta nidħlu fż-żmien u naraw li dak li għażilna sar suf, allura naqtgħu qalbna nintefgħu ġo toqba tal-moħħ u nitmermru hemm.

Fil-fatt dan m’għandux ikun hekk. Jekk minn kelma ta’ ħaddieħor, jew imġiba, jew għemil ħażin, aħna nisiltu ħsieb, malajr ix-xejra mdejqa u kiebja tagħna titmermer u flokha titlissen ħlewwa u ferħ, sliem u faraġ.

   

Page 15 of 15

Follow Us

Newsflash: