Ħsieb: Joseph Henry Abela

28. Btala

altNeħodha jew ma noħodhiex, inġemma' jew inqanċeċ, nistenna jew inħaffef. Meta t-tabib jgħidlek tieħu btala, aktarx tkun iddawwart u l-moħħ u l-ġisem mhux se jinqdew bil-waqfien tax-xogħol tas-soltu.

Meta tkun b’saħħtek tagħraf tieqaf u  wara terġa’ lura għall-ħidma b’saħħtek u frisk.

Il-mistrieħ mhux talli mhux żmien moħli, iżda hu l-mutur tal-ħajja. Min ma jagħrafx dan ir-ritmu ħa falza stikka u wara ħidma bla ħniena spiċċa b’pilloli żejda, nervi u burdati tal-waħx.

 

27. Vireg

altRota ta' rota iddur b’vireg irqaq qrib xulxin u b’saħħithom. Tapit ta’ taraġ iżomm bil-vireg, bla vireg fit-tapit tiżloq u titfixkel. Bil-vireg sar is-swat ta’ Kristu; tawh bihom. Il-virga tkun tal-kanonku fil-purċissjoni: turi s-setta.

Kull ħaġa fil-ħajja hi bħal virga, tinqeda biha jew għall-ġid jew għad-denni. Ilsienek, mġiebtek, sewqan, żjarat, xiri ta’ art u fejn, kitba, għajdut u xnigħat.  Jekk il-moħħ ma jkunx f’siktu u jġarrab ħsara u tkun għada ma għaditx, allura l-għemil immur żmerċ: bħal virga tixxejjer bla galbu.

Sbieħ il-vireg f’posthom; għandhom użu,  żgħar u b’saħħithom. Il-bniedem l-istess waħdu ċkejken imma flimkien ma’ oħrajn jikber u jissaħħah.

 

26. Sħana

altTkun mejjet għalija, meta mirżuh u kiesaħ. Is-sħana sserrħek u tagħtik saħħtek.

Imma meta tkun is-sħana u m’għandekx xi jpattilek, tindanna, tinħaraq, tinkedd. Hemm is-sħana tax-xemx: tridha, imma meqjusa; u hemm is-sħana u saħna tal-għadab li tagħmillek bosta ħsara u hemm; is-sħana tal-imħabba li tneħħilek kull moffa ta’ dwejjaq u niket.

Is-sħana tpaċiha bl-ilma frisk u nagħnieħ fih. Iġibek tirraġuna aħjar. Trid ukoll ikollok siġar qrib, jew inkella xtieli.

   

25. Qlugħ

altFi żmien il-qedem, mhux daqstant ilu, kont tilmaħ fil-portijiet Maltin u Għawdxin dgħajjes tal-qlugħ. Tarahom mimlija riħ għaddejja iniżżlu jew itellgħu, inaqqsu jew iżidu, sakemm jaslu bejn wieħed u ieħor qawwijin u sħaħ.

Illum ma tarax daqstant, għax ukoll fuq il-baħar, it-trasport nbidel. Naħseb ukoll li nbidlet l-imġiba u għalhekk naħsbu li buttuna, pillola, telefonata se ssaffi t-taqlib u jinġieb is-sliem.

Il-ħajja bħal qlugħ tad-dgħajsa, trid ir-riħ, trid iddawwar, tnaqqas, iżżid il-bqija tbatija. X’inhu l-qlugħ tal-bniedem; dak li jmexxih il-quddiem, dak li qalbu jimligħa, dak li jiġbdu mill-għeruq ta’ qalbu?

 

24. Ħofor

altAjruplan nieżel fil-mitjar. Irid isib il-beraħ u l-art watja; jekk le, aktarx jeħel u jkun hemm il-konsegwenzi. Trid il-lixx ħalli tasal fis-sliem.

Mhux it-toroq kollha jkunu bla ħofor u lanqas il-bankini għalkemm mixjin ’il quddiem. L-istess il-ħajja tagħna jkollha l-ħofor, toqob li taf bihom u oħrajn li ma tafx; xi wħud tista’ ssoddhom, oħrajn le.

Tkun rawwimt ħbiberija, għażliet, safriet, negozji u jinbidlu; mhux b’rajk imma b’riedet ħaddieħor, bil-qerq u dak li kien ċar jiċċallas u moħħok ma baqax jaħdem l-istess, jaħbat jisboxxla, għax ma stennejthiex !

   

Page 10 of 15

Follow Us

Newsflash: