Girfa li ħolqot paniku

altOmm li ma tatx wisq kas ta’ girfa ta’ qattus, spiċċat tissielet għal ħajjitha minħabba infezzjoni f’demmha.

Lesley Pleasant ta’ 57 sena kellha tqatta’ ġimgħa l-isptar b’IV drip u kważi kważi kienet se tonqos milli tattendi għat-tieġ ta’ bintha.

L-inċident ġara ftit ilu meta l-għalliema tat-taħriġ fiżiku qatgħetha li tnaddaf lil Oscar, il-qattus ta’ bintha, billi ddaħħlu bil-banju u taħslu biex teqridlu xi briegħed.

Imbeżża’, il-qattus deffes duffrejh fin-naħa ta’ ġewwa tal-minkeb ta’ Lesley u qatgħalha arterja. Bintha Alisha, ħadet 30 sekonda biex ħarġet id-dwiefer ta’ Oscar minn ma’ id ommha. Hi qalet li ħasset l-uġigħ, iżda kompliet bil-faċendi tagħha u ma baqgħetx taħseb aktar fl-inċident.

Fis-2.00 a.m. qamet bid-deni u idha bdiet tħossha tħabbat. Kellha uġigħ qawwi fiha u ntefħitilha daqs bużżieqa. Il-biża’ tagħha żdied, għax qajla setgħet tiċċaqlaq u ħadet il-pilloli kontra l-uġigħ.

L-għada filgħodu, ħabib tal-familja ħadha fl-isptar tal-lokal, f’Shepton Mallot, fejn intqalilha li kellha bżonn tmur fl-isptar akbar ta’ Bath.

It-Tabib Suranjith Seneviratne, immunolgu fir-Royal Free Hospital ta’ Londra qal li kull girfa, żgħira kemm tkun żgħira, trid tingħata l-attenzjoni mistħoqqa. Girfa infettata, ġeneralment tibda bi ħmura. Imbagħad tinfetta ruħha u wara għaxart ijiem tintefaħ. Hawn il-persuna jitlalha d-deni, tibda tgħejja, jaqbduha l-uġigħat tar-ras u f’xi każi jonqsilha l-aptit.

It-Tabib Seneviratne żied li girfa tista’ tidher bħala li qed tfiq, iżda l-batterja taf tkun ivvjaġġat għal xi parti oħra tal-ġisem, fejn timmultiplika u tinqasam.

Kif iddaħħlet l-isptar, Lesley tqiegħdet fuq id-drip u t-tobba bdewlha wkoll il-morfina għall-uġigħ li bdiet tħoss. Wara sitt ijiem fl-isptar, Lesley stqarret li għamlet biċċa xogħol għaqlija li marret malajr l-isptar, għalkemm ma tafx għaliex Oscar beża’ daqshekk mill-banju, għax din ma kinitx l-ewwel darba għalih.

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: