Min tgħidu li hu Vassalli?

altmiktuba minn Fiona Vella

Mikiel Anton Vassalli minn dejjem kien persunaġġ kontroversjali, kemm f’ħajtu kif ukoll wara mewtu. Infatti anki llum, meta qed niċċelebraw il-250 anniversarju mit-twelid tiegħu, għadek issib lil min jistaqsi ‘Imma dan ir-raġel x’kien eżatt? Eroj jew traditur ta’ Malta?’

Min hu Vassalli?

altKif spjega tajjeb il-Prof. Frans Ciappara fil-ktieb tiegħu An Enlightened Maltese Reformer: M. A. Vassalli 1764-1829, hemm min iqis lil Vassalli bħala ‘missier l-ilsien Malti’ u oħrajn saħansitra bħala ‘missier in-nazzjon’, iżda mbagħad issib oħrajn, bħal ngħidu aħna Ġużè Muscat Azzopardi, illi għalkemm għandhom rispett kbir lejh bħala lingwista, ma jgħodduhx bħala patrijott. “Kienet proprju din il-kontroversja li qanqlitni biex naħdem fuq ir-riċerka neċessarja sabiex niskopri l-verità dwar min kien il-veru Mikiel Anton Vassalli,” spjegali Ciappara.

Wiċċ immaġinat

Tagħmel wisq sens din l-idea tal-kommemorazzjonijiet tal-anniversarji tal-persunaġġi u tal-ġrajjiet storiċi għax permezz tagħhom nerġgħu nġeddu l-memorji u l-interess. Infatti jkolli nistqarr li jiena ftit li xejn kont naf dwar dan Vassalli u hekk kif din is-sena bdejt niltaqa’ ma’ diversi opportunitajiet sabiex nifhem aħjar min kien dan il-persunaġġ, ħtaft l-okkażjoni.

altF’Marzu li għadda, ġejt mistiedna biex inżur il-fdalijiet tal-ġonna ta’ Villa Frere fil-Gwardamangia illi fihom Vassalli kien isib ftit serħan u trankwillità flimkien ma’ wieħed mill-uniċi ħbieb li kellu, l-aristokratiku Ingliż, John Hookham Frere. Aktar tard, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt, fl-esebizzjoni li hemm din is-sena li tikkonsisti minn mitt oġġett relatati mal-istorja ta’ Malta, ilmaħt il-Lexicon ta’ Vassalli. Naturalment ma setax jonqos li nagħti daqqa t’għajn ukoll lill-monument imponenti li hemm iddedikat għalih f’Ħaż-Żebbuġ, u hemmhekk ħassejtni sodisfatta li dan il-persunaġġ kien ingħata ġieħ. Madanakollu, meta dil-ġimgħa ltqajt mal-Prof. Ciappara sirt naf illi sa llum, għadna qatt ma sibna xi rikordju tax-xbieha tiegħu u allura s’issa, wiċċ Vassalli huwa biss immaġinat.

Kull ma kien imiss kien isir landa

Sabiex nipprepara ruħi aħjar għal din l-intervista, qrajt il-ktieb ta’ Ciappara fejn finalment stajt insegwi l-ġrajja ta’ ħajjet Vassalli. Sibt illi l-istorja ta’ dan l-individwu kienet imħawwra mhux ħażin peress li hu għex fil-perjodu mqanqal tal-aħħar snin tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, fl-era tal-ħakma tal-Franċiżi f’Malta u anki fl-ewwel snin tat-tmexxija kolonjali Ingliża. Għall-ewwel, ma stajtx ma nosservax illi Vassalli donnu għex dejjem taħt id-dell ta’ sħaba sewda, tant li fi kliem Ciappara stess “kull ma kien imiss dan l-individwu kien isir landa flok deheb!”. Madanakollu, meta bqajt nixtarr id-destin ta’ dan il-bniedem, staqsejt lili nnifsi jekk wara kollox kienx hu stess li fassal din it-triq għalih meta dejjem għażel li jgħix kontra s-sistema tal-perjodu li għex fih.

Għaldaqstant, waqt din id-diskussjoni ma’ Ciappara staqsejtu jekk fl-opinjoni tiegħu, dan il-bniedem kienx sempliċiment sfortunat, inkella twelidx fiż-żmien żbaljat, jew jekk wara kollox dak li esperjenza kienx ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet żbaljati li dan il-personaġġ ħa matul ħajtu peress li sikwit għażel li jimxi kontra l-kurrent?

“Kien bniedem sfortunat tassew għax kważi kull ħaġa li pprova jagħmel ġietu trab. Barra minn hekk twieled fi żminijiet koroh u xi ftit jew wisq, naħseb li twieled qabel żmienu wkoll. Min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa jekk hu ħax deċiżjonijiet żbaljati jew le, trid dejjem tikkunsidra l-perjodu li hu għex fih. Infatti, kien għalhekk li jiena ppreżentajtu fil-kuntest li hu kien qiegħed iġarrab fuq ġildu, kemm f’dak li hu ambjent lokali u anki f’dak ewropew,” fissirli Ciappara.

Il-ġrajja ta’ Vassalli

Mikiel Anton Vassalli twieled fil-5 ta’ Marzu 1764 f’Ħaż-Żebbuġ. Dan kien il-perjodu tal-Illuminiżmu, meta l-bniedem kien qed jazzarda jisfida kull fatt u kull twemmin li hu kien wiret mill-ġenerazzjonijiet ta’ qablu.

Meta kellu biss sentejn, missieru Gabriel marad u miet u ħalla warajh mara bi tliet itfal. Fl-1770, ommu Catarina reġgħet iżżewwġet bidwi ieħor, Gaetano Mifsud, li kompla jieħu ħsieb il-familja. Iżda ġara illi fl-1779, meta Vassalli kellu 16 il-sena, missieru tar-rispett ġie mitfugħ il-ħabs minħabba li ma ħallasx il-kera tal-art lill-istituzzjoni tal-Knisja.

“Probabbli dan il-fatt ħalla l-marka tiegħu fuq Vassalli u t-tbatija psikoloġika li għadda minnha f’dawk il-mumenti, anki minħabba l-istigma li din ir-realtà ġġib magħha, setgħet wasslet biex nisslet dak l-element rivoluzzjonarju li kien tant evidenti fih matul ħajtu kollha,” fehemni Ciappara.

Jidher li għal xi żmien, Vassalli wera x-xewqa li jsir qassis tant li pprova japplika biex jidħol is-seminarju. Imma f’dik is-sena ma kienx hemm post għal aktar studenti u għalhekk hu ma ġiex aċċettat. B’danakollu, huwa ma qatax qalbu u minflok daħal jistudja l-Għarbi fi skola li kellha l-funzjoni li tħarreġ individwi sabiex isiru missjunarji fost il-Musulmani. “Hawnhekk Vassalli bbrilla u infatti narawh jirbaħ ammont ta’ flus peress li kien wieħed mill-aqwa erbgħa studenti.”

Mogħni bil-kuraġġ minn dawn ir-riżultati sbieħ, fl-1785, Vassalli rħielha lejn Ruma bil-kunsens tal-isqof ħalli jistudja biex isir qassis. F’Ruma, huwa beda jitħarreġ fit-teoloġija, fil-liġi kanonka, fl-iskrittura, u anki fil-lingwi Orjentali; l-Ebrew, l-Għarbi u s-Sirjak. Fl-1788 Vassalli applika sabiex isir lekċerer tal-Liturġija Orjentali u Siro-Kaldijaka fl-Università La Sapientia f’Ruma iżda peress li ma kienx qassis, ma kienx eliġibbli.

Missjunarju fost niesu stess

“F’Ruma Vassalli sab dinja oħra b’ideat ġodda mfawwra mill-Illuminiżmu, u bla dubju dan ħalla l-influwenzi tiegħu fuqu,” qalli Ciappara. “Fosthom, skont il-moda ta’ dak iż-żmien, huwa biddel kunjomu minn Vassallo għal Vassalli, forsi biex b’hekk jimmarka wkoll it-tranżizzjoni għall-bniedem il-ġdid li xtaq isir. Infatti, għalkemm naraw li d-dinja għamlitha impossibbli għalih biex isir il-missjunarju reliġjuż li xtaq, il-mod kif ħajjet Vassalli żviluppat, spiċċat biex xorta ffurmatu f’missjunarju fost niesu stess fejn huwa kien dejjem jippriedka l-bżonn tal-edukazzjoni u n-neċessità tal-ilsien Malti.”

Hekk kif Vassalli beda jiġi ntrodott għal dawn l-ideat barranin, huwa nħakem minn xewqa kbira biex jara kif ser japplikahom għal pajjiżu. “Il-pjan tiegħu kien imfassal fuq programm dettaljat li kellu l-għan li jillibera lil niesu mix-xkiel tal-injoranza sabiex huma joħolqu Malta ġdida. L-arma prinċipali tiegħu kienet l-edukazzjoni u fil-fehma tiegħu, din kellha tingħata lil kulħadd u mhux biss lil ċerti livelli għolja tas-soċjetà kif kien qed jiġri dak iż-żmien.”

Vassalli jaqbad l-armi

“Fl-1795 Vassalli kkomunika mal-Gran Mastru De Rohan u talbu sabiex jikkunsidra l-ftuħ ta’ skejjel għall-pubbliku sabiex il-Maltin ikunu jistgħu jitgħallmu jiktbu u jaqraw bil-Malti. Barra minn hekk, Vassalli rrakkomanda wkoll illi Malta għandu jkollha l-’lingwa’ tagħha fl-Ordni ta’ Malta bħal kif kellhom nazzjonijiet oħrajn. Imma dawn iż-żewġ proposti waqgħu fuq widnejn torox. Fis-sena ta’ wara huwa ppubblika l-Lexicon li kien dizzjunarju maħdum bir-reqqa fl-ilsna Latin-Taljan-Malti, u fl-introduzzjoni tiegħu huwa fisser dan il-proġett li kellu. Imma anki dan ġie injorat.”

“Sadanittant, Vassalli ssuġġerixxa wkoll lill-istess Gran Mastru sabiex jieqfu jeħduha kontra l-Mislem u minflok jaħtfu l-opportunità biex jagħmlu negozju miegħu ħalli jibdlu lil Malta f’ċentru ta’ kummerċ. Però anki hawn sab li kien qed jitkellem mal-ħajt u għalhekk finalment, Vassalli ddeċieda li jaqbad l-armi flimien ma’ xi Maltin oħra, kontra din l-Ordni li donnha ma riedet tagħti widen ta’ xejn. Huma ppruvaw jisirqu l-armerija ta’ Ħal-Qormi iżda sfortunatament inqabdu u Vassalli spiċċa kkundannat għal għomru l-ħabs u ntbagħat ir-Rikażli fejn ħarab ftit wara lejn Franza,” irrakkuntali Ciappara.

Waqt il-ħakma Franċiża

alt“Nistgħu nimmaġinaw x’ħass meta fl-1798 sema’ li l-Franċiżi kienu daħlu Malta u għalhekk seta’ jirritorna lura lejn pajjiżu! Probabbli ħaseb li finalment il-pjanijiet tiegħu kienu ser iseħħu hekk kif fi ftit taż-żmien, Napuljun beda jimplimenta għadd ta’ bidliet hawn Malta fejn fosthom fetaħ numru ta’ skejjel għall-pubbliku,” reġa’ daħħalni fl-istorja Ciappara. “Hu kien mar joqgħod Ħaż-Żebbuġ u min jaf kemm ħassu kburi meta ra l-bandiera Franċiża tperper minn fuq il-knisja tar-raħal! Imma mill-ġdid ħolmietu sfaxxat ħabta u sabta meta fi ftit xhur il-Maltin irvillaw kontra l-Franċiżi u kollox inbidel ta’ taħt fuq, tant li Vassalli spiċċa meqjus bħala ġakbin mal-Franċiżi u traditur ta’ Malta.”

Bilkemm flaħt naqra d-deskrizzjoni tal-awtur hekk kif dan kiteb illi f’disperazzjoni għall-bżonn tal-karti sabiex bihom jagħmlu l-iskartoċċi, in-nies tal-lokal daħlu fir-residenza ta’ Vassalli u ġarrew il-kotba u l-manuskritti li sabulu, fosthom il-kopji tal-grammatika u d-dizzjunarju, u agħar minn hekk 76 qatta’ ta’ noti li kienu jikkonsistu fil-kumpilazzjoni tal-Appendiċi Etomoloġika u żewġ Indiċi tal-Lexicon! “Ma tagħtihx tort lil Vassalli li ħarab saqajh ma’ dahru lejn il-belt Valletta għax kieku baqa’ hemm, lilu kienu jġibuh tabakk.”

Mi faccio turco!

Għall-ewwel Vassalli rnexxielu jeħlisha ħafif imma meta sa fl-aħħar il-Maltin sejjħu għall-għajnuna tal-flotta Ingliża u dawn waqqfu l-provvisti tal-Franċiżi, in-nies li kienu ngħalqu fil-belt mal-Franċiżi, ma damux ma sabu ruħhom f’ġuħ tal-għama. Jum minnhom mitejn Maltin inkluż Vassalli ħarġu ‘l barra mill-belt, imma hekk kif in-nies għarfuh, huwa safa arrestat u magħluq fil-ħabs ta’ Sant’Anton. Vassalli ħadha bi kbira ferm din u ma damx ma marad sewwa tant li kellhom jeħduh l-isptar fejn illum hemm id-Dumnikani r-Rabat, Malta. Wara ttieħed il-castellenia u hemm iġġennen. ‘Mi faccio turco!’ (Insir Tork!) ġieli nstema’ jlissen b’rabja.

“Kidditu bosta din il-kundanna,” insista Ciappara. “Tant ġie fi stat ħażin illi beda jiqriegħ. Għallinqas il-gwardjan tal-ħabs kien ħallih jiltaqa’ naqra mal-priġunieri l-oħra għal waqt l-ikel u hemm hu kien jiftaħ qalbu magħhom, fosthom ma’ Giuliano Panzavecchia, li eventwalment ibnu Fortunato niżżel dawn il-memorji fi djarju li sa llum baqa’ ma ġiex ippubblikat.”

Vassalli eżiljat

Fl-1801 Vassalli talab li tingħatalu l-maħfra imma din ma ġietx aċċetata u minflok ġie mkeċċi minn Malta. Huwa reġa’ lura Franza u f’dan iż-żmien ix-xorti daħkitlu hekk kif fl-1808, il-gvern Franċiż xtaq isib lil xi ħadd li kien kapaċi jkabbar il-qoton peress li l-flotta Ingliża kienet qed timblokka l-portijiet kollha tal-kolonji li kellhom u b’hekk ma setgħux jinġiebu l-provvisti mill-pajjiżi tas-soltu. “Peress li Vassalli kien ġej minn familja tal-bdiewa li f’Malta kienu jkabbru l-qoton, huwa kellu esperjenza tajba f’dan il-qasam u b’hekk ngħata r-responsabbiltà uffiċċjali tat-tkabbir tal-qoton. Iżda l-irtirata ta’ Napuljun mir-Russja flimkien mat-telfa kbira tiegħu f’Leipzig fissru t-tmiem għal Vassalli hekk kif ir-Re Luigi XVIII reġa’ ħa t-tron u l-kultivazzjoni tal-qoton twaqqfet.”

Għalkemm Vassalli għamel xi żmien jitħabat għal rasu biex forsi jirnexxielu xorta waħda fil-qasam tal-qoton, finalment hu kellu jċedi għax beda jitlef il-flus. B’dak kollu li kellu, flimkien ma’ familtu, huwa rħielha lejn Spanja imma lanqas hemm ma rnexxielu jkampa. Skont Ciappara issa Vassalli kien sar qisu qoxra vojta ta’ bniedem, “Qabel telaq minn Marsilja, huwa kiteb ittra patetika lill-Ministru tal-Intern fejn spjegalu min kien, u qallu dwar il-kwalifikazzjonijiet u l-kitbiet tiegħu, filwaqt li semma’ wkoll li fl-aħħar snin kien anki l-kap tas-sezzjoni tat-tkabbir tal-qoton. Talbu biex jagħtih xi għajnuna finanzjarja minħabba li kien spiċċa biex waqa’ f’faqar kbir u għalhekk ma kellux mezz biex jixtri xi ħwejjeġ sura għalih, għal martu u għall-erbgħa wliedu ħalli bihom jirritornaw lura lejn Malta bħan-nies. Madanakollu r-risposta li rċieva kienet tgħid xott xott illi l-ftit flus li kien fadal fil-pajjiż kienu ser jintużaw għall-bżonnijiet tal-Franċiżi biss.”

Lura Malta – mal-Protestanti

Jekk Vassalli ħaseb li n-nies f’Malta kienu nsewh, mar ħażin, għax hekk kif ġie lura għarfuh mill-ewwel… u bagħduh. Spiċċa li biex jaqla’ xi ħaġa għall-familja kellu jittraduċi għall-Malti xi partijiet mill-bibbja għall-Protestanti ħalli dawn ikunu jistgħu jxerrdu aħjar it-tagħlim tagħhom fostna. “Traduċa l-bibbja mingħajr il-kunsens tal-Isqof u biex tgħarraq is-sitwazzjoni aktar, għamilha għall-Protestanti!” qalli Ciappara.

Fil-ktieb tiegħu l-awtur jispjega fid-dettall dwar il-pjan tal-Protestanti li jibdlu lil Malta f’ċentru minn fejn seta’ jixxerred il-Protestantiżmu. Huwa jirrakkonta wkoll it-tbatija li kienu għaddejjin minnha Maltin oħra li kienu qed jissieħbu mal-Protestanti, fosthom ċertu Bonavia, għalliema li rat ħafna ma’ wiċċha, speċjalment meta l-arċipriet tal-Isla wissa lin-nies minn fuq il-pulptu biex ma jibgħatux lill-uliedhom għandha u qalilhom li aħjar jaqbdu sikkina u jħanxru għonqhom minflok!

“Biex jittraduċi l-bibbja għall-Malti kellu qabel jistandardizza l-lingwa u hekk għamel. Fl-1825 hu laħaq bħala l-ewwel professur fil-Malti imma dan ix-xogħol ma kienx sanzjonat uffiċċjalment mill-gvern, tant li l-paga tiegħu jingħad li kienet titħallas privatament minn John Hookham Frere.”

Riedu jidfnuh bħal kelb

Vassalli miet fit-12 ta’ Jannar 1829 wara attakk sever tar-rewmattiżmu fejn hu bata mhux ħażin. Imma donnha din is-saħta li kellu fuqu lanqas wara mewtu ma riedet tħallih bi kwietu għaliex minħabba li huwa kien meqjus mill-Knisja bħala ‘suspettat’ minħabba li kien maħsub li kien poġġut mas-sieħba tiegħu u anki li kien Protestant, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Belt irriffjuta li jidfnu f’ċimiterju mal-oħrajn u minflok ried jerħielu ġismu f’dik li kienet tissejjaħ miżbla, jew aħjar art mhux imbierka. Jingħad li dan kien jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ xkupa fuq il-mejjet ħalli jindifen ‘bħall-kelb’. Almenu, Vassalli ġie salvat minn din id-difna ndenja minn sħabu l-Protestanti li meta raw kif xtaqu li jidfnuh ħutu l-Kattoliċi, huma talbu l-permess tal-gvern u anki dak ta’ martu u ta’ oħtu sabiex jidfnuh huma bir-rispett kollu f’ċimiterju tagħhom.

“It-tmiem ta’ Vassalli kien traġiku bħall-bqija ta’ ħajtu,” qalli Ciappara. “Imma naħseb li finalment huwa miet kuntent minħabba li nissopponi li huwa basar li xi darba jew oħra ħidmietu kienet ser trodd il-frott fuq din l-art li hu tant ħabb imma li matul ħajtu, hi qatt ma ħabbitu lura.”

“Jiena nirrispettah ferm lil Vassalli, kemm għax ħabb lil Malta u lill-Maltin u anki għax-xogħol siewi li wettaq fil-qasam tal-lingwa Maltija. Żgur li ħaqqu ferm it-titlu li ngħatalu llum bħala ‘missier il-lingwa Maltija’,” temm jgħidli l-Prof. Ciappara.

Kopji ta’ reġistru li juru fejn ġie midfun Vassalli

altWara li kont segwejt b’tant interess l-istorja ta’ Vassalli, ma stajtx ma mmurx inżur is-sit fejn hu ġie midfun. Fi kmajra ġewwa ċ-ċimiterju tal-Msida Bastion fil-Furjana, ġejt murija xi oġġetti relatati ma’ Vassalli fosthom kwadru tax-xbieha ‘tiegħu’, kopja tal-Lexicon li ngħatat b’self lil Din L-Art Ħelwa mill-familja Vassallo, riproduzzjoni ta’ paġna mill-Lexicon, kopja tal-alfabet Malti li kien ġie mressaq minn Vassalli, u anki kopji tan-noti tar-reġistru tal-funerali li juru li f’dak iċ-ċimiterju ġew midfuna Vassalli u martu.

Skont informazzjoni li sibt f’dan il-post jidher li fl-1937, ċertu Frederick Jones, li kien in-neputi tad-deffien tal-Msida Bastion, skopra qabar Malti li nstab li kien ta’ Vassalli. Madanakollu l-post eżatt tal-qabar ta’ Vassalli u ta’ martu ntilef u għalhekk minflok illum wieħed isib monument kommemorattiv…

Għadilli x-xemx qalila tas-sajf Malti kienet nixfet il-ħdura tal-ġnien, xi fjuri lelà u sofor kienu qed isebbħu din it-tifkira tal-post tal-mistrieħ ta’ Vassalli. U fl-isfond, donnu l-protettur tiegħu anki wara l-mewt, ilmaħt il-qabar maestuż ta’ John Hookham Frere.

U issa intom li bħali sirtu tafu ġrajjiet Vassalli, min tgħidu li hu?

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (16 il-parti) fit-Torċa tal-24 t’Awissu 2014)

Comments  

 
0 #1 Sonia V Z 2014-10-19 20:55
Kellu l-Malta marbuta ma qalbu..ghalkemm il- Maltin u l-hajja ma tantx dahkulu ...kien bniedem li ma qatax qalbu u dejjem ittama ghalkemm sab hafna bibien maghluqa.
Quote
 

Add comment


Security code
Refresh

Blog

Follow Us

Newsflash: