Xewqa ta’ omm mitmuma sal-aħħar

altMeta fl-1944, Tony Clarke ħareġ mid-dar f’Kidderminster, biex jingħaqad mal-RAF, ommu, emozzjonata għall-aħħar qaltlu: “Nittama li nerġa’ narakom ilkoll lura d-dar.”
 
Kienet tabilħaqq xewqa ħerqana ta’ mara u omm li kienet rat lis-sitt uliedha jitilqu wara xulxin għall-gwerra.
 
U x-xewqa u t-talb tagħha kienu mismugħin, għax mhux talli reġgħu lura mingħajr ebda feriti, iżda talli ħamsa minnhom għadhom ħajjin minkejja li qabżu d-90 sena.
 
Huma jgħixu fil-kontea ta’ Worcestershire, ilkoll jirrakkuntaw il-ħrejjel tal-kunflitti li ltaqgħu magħhom fil-gwerra. Herbert, ta’ 99 sena u Tom ta’ 97 jgħixu f’Bewdley, Peter ta’ 95 jgħix f’Droitwich, Paul ta’ 92 f’Martin Hussingtee u Tony ta’ 90 sena fid-dar li kellhom f’Kidderminster. Ħuhom l-ieħor Ken, li serva f’Burma, miet fl-1982, l-aħwa jiltaqgħu spiss u dejjem jirrakkuntaw xi silta minn ħajjithom barra minn pajjiżhom.
 
Wieħed minnhom jiftakar li ltaqa’ mat-tifla tad-Dittatur Taljan Benito Mussolini,  ieħor kien mistieden tal-Maharajah fl-Indja u ħuhom ieħor kien milqugħ mill-Papa Piju VII fil-Vatikan.
 
Herbert kien l-ewwel wieħed li nkiteb, fl-1940. Serva bħala sewwieq sakemm ingħaqad mar-Royal Electrical and Mechanical Engineers (REME) biex jitħarreġ bħala mekkanik tar-radar.
 
Wara kien promoss u kellu taħtu 90 kanunier fl-Italja. Hu semma esperjenza li jiftakar sew, meta f’operazzjoni minnhom qabdu mijiet ta’ priġunieri Ġermaniżi, fosthom subien imbikkija ta’ 17-il sena. Fl-Italja kien promoss għal assistent kaptan.
 
Missier ta’ sitt itfal u nannu ta’ tlieta, Herbert jirrakkonta li mhux darba u tnejn splodew bombi maġenbu, iżda qatt ma laqtuh, għalkemm jaf bi ħbieb li kellu li tqattgħu biċċiet. Fl-Italja, baqa’ għal sitt xhur wara li ntemmet il-gwerra, fejn ħadem bħala uffiċjal tal-ferrovija minn Bari għal Ruma – fejn iltaqa’ mal-Papa.
 
Tom ingħaqad mal-RAF u ntbagħat Singapore biex iservi bħala operatur tar-radju. Wara li ħa sehem f’missjonijiet speċjali fil-Greċja, inqabad mit-Taljani f’dik li llum hi l-Montenegro u ttieħed priġunier tal-gwerra fil-kamp ta’ Tirana, fl-Albanija.
Fiż-żmien li għamel priġunier Tom kien ordnat jieħu sehem fi spezzjoni minn Edda Ciano, bint id-Dittatur Faxxist Mussolini. Meta nħeles u ntbagħat lura fil-Gran Brittanja, issejjaħ fir-Russja u kien mistieden mill-Marixxall Voroshilov – uffiċjal militari Sovjetiku magħruf – biex jattendi għall-parata militari tal-1 ta’ Mejju, fil-Pjazza l-Ħamra f’Moska. Jgħid li kien l-uniku wieħed li l-Marixxal ħadlu b’idu. Mal-avvanz tal-Ġermaniżi kienu mġiegħla jirtiraw u, aktar tard, Tom ingħata medalja mill-Unjoni Sovjetika għas-servizz li wettaq.
 
Tony, l-iżgħar mill-aħwa, ingħaqad mal-RAF fl-1944 u ntbagħat l-Indja biex jgħin jorganizza t-tagħmir u l-ħażniet għat-truppi alleati li kienu qed jiġġieldu lill-Ġappuniżi f’Burma.
 
Wara li laħaq surġent, hu u tliet suldati oħra ngħażlu biex jiltaqgħu mal-Maharajah ta’ Udaipur fil-palazz tiegħu f’Rajasthan. Aktar tard, il-post intuża għall-film Octopussy fil-film ta’ James Bond.
 
Peter serva bħala uffiċjal fl-Italja, waqt li Paul kien logutenent mar-REME, fl-Eġittu.
 
Oriġinarjament kienu għaxart itfal, fosthom John Clarke li miet fis-snin sittin kaġun ta’ kumplikazzjonijiet ta’ mard rewmatiku, u tliet ħuthom bniet; it-tewmin Barbara u Hester li mietu, u ż-żgħira Rachel Hill li għadha ħajja u għandha aktar minn 80 sena.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: