Studenti bil-ħrieqi

altminn Charles B. Spiteri

Fl-Ingilterra nstab li tfal ta’ ħames snin qed jintbagħtu l-iskola bil-ħrieqi, u dan għax qatt ma ngħataw taħriġ biex jużaw WC. 

Rapport li sar apposta juri li numru qawwi ta’ ġenituri qed jonqsu milli jgħallmu lil uliedhom il-ħiliet bażiċi, tant li lanqas jagħrfu meta għandhom jirrikorru għad-WC. Minħabba f’hekk, l-għalliema qed jispiċċaw jgħinu lit-tfal ibiddlu ħwejjiġhom minflok jgħallmuhom is-suġġetti tal-iskola.

L-għaqda tal-għalliema tefgħet it-tort kollu tal-problema fuq l-ommijiet u l-missirijiet li ma jafux x’inhuma d-dmirijiet tal-ġenituri lejn uliedhom ċkejkin. Kollox beda wara stħarriġ fi 18-il klassi tal-iskola primarja, fejn instab li 24 tifel u tifla ma kinux jafu kif jużaw id-WC u għalhekk kienu għadhom jitlibbsu l-ħrieqi. Issa, l-komunità tas-Saħħa f’Kent qed titlob lill-infermiera tal-iskejjel, jippruvaw jgħallmu l-ħtiġiet bażiċi lit-tfal, qabel ma jibdew l-iskola, għax instab ukoll li ħafna ġenituri mhumiex jagħtu jixorbu lil uliedhom biex ikunu jistgħu jibqgħu indaf il-ġurnata kollha.

Barra minn hekk, is-soċjetà waslet f’livell fejn il-ġenituri tat-tfal żgħar lanqas jgħallmuhom jgħidu ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi’. 

L-għalliema jsostnu li dawn huma manjieri li għandhom ikunu mgħallma mill-ġenituri nfushom, u jkun inutili li huma, min-naħa tagħhom jgħallmuhom kif iġibu ruħhom mal-mejda; kif jużaw l-imgħarfa, l-furketta u s-sikkina, meta la jafu jgħidu ‘grazzi’ u lanqas meta għandhom imorru d-WC.

Sue Palmer, awtriċi ta’ kotba fuq l-iżvilupp tat-tfal, issostni li t-tort totali għandu jinġarr mill-ġenituri, li għandhom isibu ħin jgħallmu l-ħwejjeġ bażiċi kollha lil uliedhom. Jekk dan ma jsirx, ħadd ma jista’ jistenna aħjar mit-tfal iż-żgħar. M’għandux ikun hemm ġenituri li jaħsbu li għax uliedhom ikunu l-iskola, l-għalliema għandhom iġorru r-responsabbiltà huma.

 

 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: