Stħarriġ fuq il-qari

altminn Charles B. Spiteri

Terz tal-poplu Ingliż ma jafux li Charles Dickens kiteb Great Expectations. Dan ħareġ fid-dieher minn stħarriġ li sar fuq il-qari. Persuna minn kull sitta li ġew mistoqsija jafux min kiteb Hamlet, wieġbu li ma jafux.

Dickens u Shakespeare mhumiex l-uniċi awturi magħrufin li sezzjonijiet kbar tal-poplu ma jafux bihom – 28 fil-mija tal-adulti ammettew li qatt ma qraw xi ktieb tagħhom. Mhux hekk biss, talli persuna minn kull sebgħa intervistati stqarret li fl-aħħar sena ma qratx lanqas ktieb wieħed.

L-istudju wera li ħafna nies mhux biss irnexxielhom ikomplu l-istudju tagħhom bla ma qatt qraw letteratura klassika fid-dettall, tallli l-istess drawwa baqgħet tkompli f’ħajjithom sakemm kibru. Irriżulta wkoll li 12 fil-mija biss qraw ir-rumanz Much Ado About Nothing; 18 fil-mija Cather in the Rye, u 26 fil-mija għażlu Pride and Prejudice – minkejja l-popolarità enormi tiegħu bħala drama televiżiva u fiċ-ċinematografu.

L-istudju sar fuq 2,000 ruħ. Kwart mill-adulti qalu li qraw inqas minn ħames kotba fl-aħħar sena u l-medja telgħet għal seba’ kotba. Nofs dawk li jaqraw inqas minn għaxar kotba f’sena, qalu li ma jsibux ħin għall-qari u kwart minnhom qalu li jippreferu jagħmlu xi ħaġa oħra. 

Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li l-aktar ħin popolari fost in-nies għall-qari tal-kotba hu qabel l-irqad, meta jkunu daħlu fis-sodda. Kien hemm numru ċkejken minn dawk intervistati li stqarrew li l-aktar li jaqraw hu meta jkunu għal xi vaganza.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: