Sejba imperjali importanti

altArkeologi fl-Amerika t’Isfel irnexxielhom isibu qabar mhux mimsus taċ-ċiviltà antika u misterjuża tal-Wari. Minnu, qalgħu l-iġsma mummifikati ta’ tliet irġejjen u ħdejhom teżori tad-deheb u sagrifiċċji makabri umani. 
 
It-tempju tal-mejtin, li għandu madwar 1,200 sena nstab fis-sit El Castillo de Huarmey, daqs erba’ sigħat sewqan mill-kapitali Peruvjana, Lima.
 
Is-sejba tipprovdi manjiera ta’ informazzjoni fuq l-imperu enigmatiku Wari, li rrenja fuq l-Andes ferm qabel is-suċċessuri tagħhom l-Incas.
 
altL-arkeologu Milosz Giersz hu tal-fehma li din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-arkeoloġija fil-Perù li sabu qabar imperjali tal-imperu u l-kultura Wari.
altIr-riċerkaturi qed jgħidu li s-sejba se tgħinhom iqiegħdu flimkien il-ħajja fis-sekli Andes, qabel ma feġġ l-imperu tal-Incas; li kitbu fid-dettal dwaru l-Ispanjoli li ħakmuhom.
 
Fil-mawsolew, li nkixef ftit xhur ilu viċin sit ta’ piramidi qrib il-kosta, nstabu bċejjec tad-deheb, ċeramika u 63 skeletru ta’ madwar 1,300 sena ilu. Ir-riċerkaturi qalu li ħafna mill-iġsma li nstabu f’kamra tad-dfin kienu ta’ nisa mummifikati, ilkoll bilwieqfa – sinjal li kienu nisa rjali u li n-nisa Wari kellhom aktar poter milli qatt kien maħsub qabel.
 
altIl-Wari, li sabu posthom hemm min-naħa t’isfel tal-Perù kienu jaħkmu fuq parti kbira tal-pajjiż bejn is-sena 500 u 1,000 sena wara Kristu. Huma kienu jidfnu lill-qraba tagħhom u f’qabarhom kienu jħejjulhom il-proviżjonijiet tal-ikel u l-għodda tas-sengħa li kienu jaħdmu.
 
L-arkeologa Patrycja Przadk qalet li “n-nisa kienu midfuna b’imsielet ta’ metalli prezzjużi, li qabel kien jingħad li jintużaw biss mill-irġiel.”
 
Fost l-artefatti li nstabu maġenb l-irġejjen mummifikati kien hemm għodda tal-insiġ magħmula mid-deheb, skieken u mnanar ritwalistiċi, kikkri, kontenituri għall-weraq tal-coca u tiżjin mill-isbaħ biċ-ċeramika.
 
L-istoriċi jsostnu li l-Wari kienu l-ewwel nies li rnexxielhom jgħaddu diversi tribujiet f’xibka sofistikata madwar ħafna mill-art li llum hi magħrufa bħala l-Andes Peruvjana.
 
altIl-bioarkeologu Wieslaw Wieckowski qal li sitt skeletri ma kinux imgeżwra fid-drapp, u għalhekk aktarx kienu sagrifiċċji umani għall-elit li ġew mummifikati. “Kienu nies li ntefgħu ħajjin fil-qabar, qabel ma dan kien issiġillat,” qal.
 
L-istess arkeologi qalu lin-National Geographic li huma żammew silenzju fuq il-ħidma tagħhom minħabba l-biża’ li jkun hemm xi ħallelin, li jsiru jafu bil-post u jisirqu kulma kien hemm.
 
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: