Rekord fl-età ta’ 104

altNannu li qatta’ ħajtu ‘jagħmel li jrid u jixtieq’, kiser rekord Ewropew wara li temm ġirja ta’ 100 metru f’ħin ta’ 32.79 sekonda. Dan għamlu fl-età venerabbli ta’ 104. Stanislaw Kowalski, li twieled fl-1910, sar l-ixjeħ persuna fl-Ewropa li ġera tellieqa ta’ 100 metru. Permezz t’hekk kiser ir-rekord li kien stabbilixxa qablu, raġel ieħor ta’ 96 sena.
 
Stanislaw, minn Swidnica, il-Polonja, temm it-tellieqa ta’ dawk li għalqu mitt sena. Hu kien liebes flokk isfar, bin-numru 104 fuqu. Minkejja li qatt ma kiseb taħriġ professjonali, kiser ir-rekord ta’ qablu b’34 sekonda. Hu jsostni li baqa’ b’saħħtu għax minn dejjem għamel li ried u qatt ma mar għand it-tobba.
 
Hu qatta’ ħajtu jimxi jew jaqdef ir-rota fil-vjaġġ ta’ 10 kilometri kuljum għax-xogħol u minn meta ħareġ bil-pensjoni sa ma għalaq 92 sena, beda l-ġiri bħala mogħdija taż-żmien. F’din it-tellieqa, fejn kien l-uniku bniedem ta’ ’l fuq minn 100 sena, li kkompeta, kien l-uniku wieħed li komplieha. Il-folla ċapċpitlu għall-appoġġ, għax indunat li kiser ir-rekord imwettaq minn Ġappuniż, li snin ilu temm l-istess tellieqa fi 28 sekonda, fl-età ta’ 96 sena.
 
Għar-rebħa tiegħu, issejjaħ fuq il-podju, u kien ippreżentat bi trofew u bukkett fjuri, bin-nies preżenti jkomplu jgħajtu u jċapċpu, biex jinkoraġġuh.
 
Mistoqsi x’għamel biex għex ħajja hekk twila, Stanislaw qalilhom “ Tiffangawx fl-ikel u tiklux tard filgħaxija. Tistgħu tixorbu sa 50 gramma, iżda mhux kuljum.” 
 

 

Follow Us

Newsflash: