Prezzijiet eżorbitanti għad-djamanti

altDjamant abjad, daqs bajda ċkejkna, għadu kif inbiegħ għall-prezz ta’ €22m f’irkant li sar dan l-aħħar f’Hong Kong. Dan il-prezz sebaq dak meqjus bħala rekord għal sett djamanti oħra li nbiegħ sitt xhur ilu.

Kienu tnejn in-nies li f’sitt minuti kkompetew u għamlu l-offerta tagħhom għal dan il-mineral  Afrikan ta’ 118-il karat, permezz tat-telefon.

Għaċ-Ċiniżi, il-bejgħ bl-irkant ta’ minerali li jiswew konsiderevolment isir darbtejn fis-sena u sar jitqies bħala ritwal. Għalihom jattendu l-kolletturi għonja miċ-Ċina u mill-pajjiżi Ażjatiċi, tant li għamlu lil Hong Kong wieħed mill-aktar ċentri importanti u attivi għall-irkantijiet.

altId-djamant ovali, bla ebda difett, li kien imminat u maqtugħ sentejn ilu nbiegħ għal €22m, inkluża l-kummissjoni ta’ Sotheby. Din il-kumpanija qalet ukoll, li d-djamant instab fin-naħa t’isfel tal-Afrika, iżda ma semmietx f’liema pajjiż, peress li l-bejjiegħ xtaq jibqa’ anonimu.

altMadankollu, ir-rekord dinji għall-prezz ta’ ġojjell, inkiseb fl-2010, meta l-ġojjellier Londiniż Laurence Graff, ħallas €34m għal djamant roża qawwi, li kien jiżen 24.8 karat.

Issa qed jingħad li dan ir-rekord jista’ jinqabeż meta x-xahar id-dieħel, Sotheby se tirkanta djamant roża ieħor ta’ 59.60 karat, li mistenni jġib aktar minn €44 m. L-irkant se jsir f’Ġinevra.

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: