Oqbra tal-massa f’Jaffa

altSitt oqbra tal-massa xehdu l-fdalijiet ta’ tużżani ta’ Palestinjani li nqatlu matul il-gwerra bejn l-Iżraeljani u l-Għarab fl-1948, meta twaqqaf l-istat Lhudi. Dawn l-oqbra nkixfu fid-distrett ta’ Jaffa, f’Tel Aviv.
 
Uffiċjal fiċ-ċimiterju Musulman qal li s-sejba makabra nstabet meta ċediet l-art waqt xogħol ta’ rinnovar.
 
Fl-1948, Jaffa kienet belt Palestinjana, iżda kien hemm esodu mill-akbar parti tal-popolazzjoni Għarbija meta l-Palestinjani waqgħu taħt il-qilla tal-armata żagħżugħa Iżraeljana u l-milizji leminin Lhud.
 
altMahmoud Obeid, riċerkatur u storiku, apparti milli resident ta’ Jaffa, qal li sabu sitt oqbra tal-massa, li tnejn minnhom ħaffruhom huma stess. Huma stmaw li fl-oqbra kien hemm madwar 200 ġisem, b’numru addizzjonali ta’ oqbra li għadhom mhux magħrufa.
 
Il-fdalijiet huma ta’ nies ta’ etajiet differenti, inklużi nisa, tfal u xjuħ, b’uħud minnhom b’sinjali ta’ vjolenza fuqhom.
 
Atar Zeinab, bidwi tal-lokal, ta’ 80 sena qal li bħala teenager, waqt l-aħħar xhur tal-ġlied fl-1948, hu għen jinġabru l-katavri tal-Għarab fin-naħa t’isfel ta’ Jaffa. Dawn ittieħdu għal difna ta’ malajr qrib iċ-ċimiterju.
 
Hu stqarr li l-periklu li jintlaqtu mill-bullets u bċejjeċ tal-grenadi kien tali li l-iġsma ntefgħu wieħed fuq l-ieħor fil-kripti tal-familji, fiċ-ċimiterju, kontra l-użanza Musulmana.
 
altFl-1950 Jaffa kienet inkorporata f’Tel Aviv, u ngħatat l-isem ta’ Tel Aviv-Jaffa. Illum fiha popolazzjoni mħallta ta’ Għarab u Lhud.
 
Iżda fil-gwerra tal-1948, madwar 760,000 Palestinjani ħarbu jew iġġiegħlu jaħarbu minn djarhom.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: