Omm maqtula brutalment

altminn Charles B. Spiteri

Ftit żmien ilu nqala’ battibekk wara li persuna tal-IRA (Irish Republican Army) allega li l-mexxej tas-Sinn Fein, Gerry Adams, kien ordna l-qtil ta’ mara, talli għenet suldat Ingliż, ferut mill-balal. Għal dan l-għemil, hi nħatfet minn skwadra tal-qtil u ġiet maqtula. Madankollu, Adams għadu jiċħad.

Sadanittant kien rappurtat każ ieħor. Eamon Molloy, imbikki u mtertaq bl-uġigħ, kien jaf li ma kellux tama ta’ ħelsien wara li nħataf mill-iskwadra, magħrufa bħala ‘The Unknowns’ li kienu jwettqu l-ordnijiet tal-ogħla awtorità tagħhom.

Molloy, ta’ 22 sena, ittieħed minn Belfast għall-interrogatorju li sar f’caravan f’għalqa diżabitata. Hu talab bil-ħniena lil dawk li ħatfuh u qalilhom li kien membru leali tal-IRA u li qatt ma kkoopera mat-truppi Britanniċi. Iżda kien hemm rapporti xejn fondati li Molloy seta’ kien qed jgħin lill-għadu.

Minkejja l-protesti għall-innoċenza tiegħu, Molloy induna li s-sentenza tiegħu kienet il-mewt. Hu ġie ttorturat minn irġiel lebsin il-balaklavi, li ma emmnux l-innoċenza tiegħu, waqt li membri oħra tal-iskwadra qagħdu jilagħbu l-ballun tul it-tortura msemmija.

Iżda fl-aħħar tas-swat, dawk li ttorturawh tawh ċans għal xewqa. Din kienet li jinġieblu saċerdot. Saret sejħa lil Fr Eugene McCoy, qassis tal-lokal. Membri tal-iskwadra marru għalih u qalulu li r-raġel weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku u kien jeħtieġ il-Griżma tal-Morda. Iżda s-saċerdot ma sab ebda inċident. Kien hemm caravan mitluqa, fejn sab żagħżugħ kollu demm, imneżża’ għarwien għajr għall-qalziet ta’ taħt, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Dan kien f’Mejju tal-1975. Minn dak iż-żmien, is-saċerdot qatt ma żvela xejn jew irrapporta.

Iżda l-każ jaħraq li jinvolvi lil Adams hu dak tad-deċiżjoni li tinħataf, tiġi ttorturata u maqtula l-omm żagħżugħa ta’ għaxar ulied. Din l-akkuża saret f’rekording minn Brendan Hughes, magħruf bħala ‘The Dark’ Deputat Kmandant tal-IRA, li miet fl-2008. Hu kien qal li Admas għandu jġorr ir-responsabbiltà tal-qtil tal-omm u l-futur inċert u ta’ biża’, li kellhom jiffaċċjaw l-għaxar uliedha, tul ħajjithom kollha.

L-omm, Jean McConville, kienet tgħix ma’ uliedha ta’ bejn sitta u 16-il sena f’appartament tal-Kunsill. Hi nqatlet fl-1972 meta xi ġirien infurmaw lill-mexxejja tal-IRA li hi kienet simpatizzanta Britannika. Dan ġara wara li ntlemħet tagħti l-għajnuna tagħha lil suldat milqut u ferut quddiem darha. Ftit wara l-att ta’ karità mas-suldat, Jean, ta’ 37 sena, instabat imsawta brutalment u kollha dmija fit-toroq viċini.

Żewġha kien miet sena qabel u għalhekk uliedha stess kellhom joħduha d-dar u jnaddfulha l-feriti li kellha. Iżda ma fiqitx. F’inqas minn 24 siegħa, aktar minn 12-il ruħ, uħud mistura fil-balaklavi, waslu f’darhom u bdew jgħajtu li riedu jaraw lil ommhom.

Huma kaxkruxa mill-bieb, b’uliedha mqabbdin ma’ saqajha biex jippruvaw iżommuha magħhom. Iżda uliedha ma rnexxilhomx. Ġimgħa wara, raġel li qal li kien mill-IRA mar f’dar it-tfal u qalilhom li kien mibgħut biex jagħtihom il-portmoni t’ommhom u ċ-ċurkett tat-tieġ. Fuq it-‘tape’, Brendan Hughes, li darba kien l-id il-leminija ta’ Adams u figura leġġendarja tal-kmand tal-IRA jinstema’ jgħid: “hemm bniedem wieħed biss li ta l-ordni biex dik il-mara tinqatel. Dak ir-raġel hu l-kap tas-Sinn Fein.”

Mill-inqas, kien hemm 16-il persuna li ‘sparixxew’ minn ‘The Unknowns’ qabel ma fl-1972 ittieħdet deċiżjoni li ma jintremewx l-iġsma mutilati fit-toroq ta’ Belfast, ta’ dawk li tqiesu bħala tradituri.

Ulied Jean qed isostnu li l-qtil t’ommhom ma jistgħu jinsewh b’xejn u qed jallegaw li dan għandu jitqies bħala krimini tal-gwerra u min kien responsabbli għalih għandu jitressaq quddiem il-Qorti f’The Hague, biex jieħu li ħaqqu.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: