Luca u Elise

Dawk l-imgħarrqin żewġ ċagħkiet!

alt
Darba waħda n-nanna kienet irrabjata bil-kbir għal Luca, wara li sabet xi ġugarelli żgħar tal-plastic fil-borma tal-istuffat. Aktarx li kien tefagħhom hemm minn wara daharha, avolja baqa’ jiċħad li għamilhom hu. In-nanna setgħet tobsor li din kienet xi biċċa xogħol minn tiegħu għax kienet taf biżżejjed x’kien isarraf. Bagħtitu ’l hemm, ma jmurx jivvintalha xi ħaġa ġdida, u hu tela’ fuq. Kien mingħalih li n-nannu kien se joqgħod iżiegħel bih, iżda dan ukoll kien mgħaddab għalih. Beda jaħseb ħażin fih meta sab l-istatwetta tal-kristall ta’ fuq l-iskrivanija f’elf biċċa. Kien tassew iddispjaċut, għax ma kontx issib tixtri oħra bħalha minn kullimkien. Luca għalxejn ħabbat mal-bieb tal-kamra. In-nannu ma riedx jiftaħlu. Rabba n-nervi għax in-nanniet ma riduhx ma’ saqajhom.
 
Luca tela’ jiġri fuq il-bejt għall-kwiet biex igawdi ftit ix-xemx. Dakinhar in-nannu ma kienx se jtajjarlu t-tajra u n-nanna ma kinitx se tilgħab miegħu bil-ballun. Kienu ħallewh waħdu bħala kastig. Qagħad bilqiegħda fejn il-bieb tal-bejt u qagħad jaħseb ftit. Issa kien wasal biex jagħmel il-preċett u ma kienx jixraqlu li jibqa’ daqshekk imqareb u jinkwieta lin-nanniet. Ħaseb li kellhom raġun jirrabjaw għalih, għax żgur li ma kienx ħaqqhom hekk daqskemm kienu jħobbuh. Wiegħed lilu nnifsu li jibda jrabbi l-għaqal mil-lum ’il quddiem.
 
F’daqqa waħda nstema’ ħoss kbir fis-sema li kiser is-skiet, li kont taqtgħu b’sikkina. Luca ħares ’il fuq u lemaħ ajruplan għaddej. Qam bilwieqfa biex jarah aħjar u resaq lejn iċ-ċint tal-bejt. Wara ftit sema’ lin-nanniet iwerżqu tweżiqa tal-biża’. Bla ma induna Luca kien laqat iż-żewġ ċagħkiet imdaqqsa ta’ fuq iċ-ċint waqt li kien qiegħed iserraħ dahru miegħu, hu u jħares lejn l-ajruplan għaddej fil-bogħod. Iċ-ċagħkiet waqgħu għal isfel u spiċċaw fil-bitħa. Dak il-ħin in-nanniet inzertaw qegħdin isaqqu l-qsari, u l-Bambin ħabbhom li ma ntlaqtux u ma waqgħux mejtin fuq xulxin! Minnufih bdew isejħu lil Luca, għax beżgħu li hu kien waddabhom minn fuq iċ-ċint tal-bejt.
 
Iżda Luca kien għosfor minn hemm fuq malli ntebaħ x’kien ġara. B’għaġeb kbir in-nanniet sabuh qiegħed taparsi jaqra ktieb fil-kamra tagħhom meta telgħu jfittxuh. Hu għamel tabirruħu li ma kien jaf b’xejn.
Allaħares kellu jgħidilhom il-verità kollha ta’ kif seħħet il-ġrajja, għax kieku ma kinux jemmnuh li m’għamilx hekk apposta! Malajr kien ikollu jrabbih l-għaqal imbagħad, għax min jaf x’kienu jagħmlulu! Ħassu kuntent li tal-inqas kien irnexxielu jiżgiċċa minn dil-biċċa. La ma kellhomx f’min iwaħħlu, weħel magħhom ir-riħ li kien ċaqlaq dawk iż-żewġ ċagħkiet, meta dakinhar lanqas żiffa ma kienet għaddejja. Luca tahom raġun għax hekk qabillu jagħmel.
 
 

Kejk Jaħraq

alt
Meta Elise u Luca  ma kienx ikollhom skola, kien l-hena tagħhom li jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu. Daqqa kienu jfarfru l-kamra tagħhom, daqqa kienu jgħinu lill-papà jaħsel il-karozza, u ġieli saħansitra kienu jonxru l-ħwejjeġ jew jaħslu l-platti. Għodwa waħda inzertat festa pubblika u fettlilhom riedu jsajru. Qamu ppreparati minn filgħodu biex jagħmlu kejk bħal dak li kienet sajret waħda mara waqt il-programm ta’ waranofsinhar fuq it-televixin xi jiem qabel.
 
Ir-riċetta tal-kejk kienet sempliċi għall-aħħar, iżda l-mamà qajla kellha aptit taqla’ imbarazz u ħmieġ fil-kċina. Elise u Luca wegħduha li jgħinuha fit-tindif la jlestu l-kejk, u bis-soltu żegħil u ħlewwa tagħhom ġiegħlu lill-mamà tgħid iva u tħallihom isajru. Tgħidx kemm qabżu bil-ferħ għax kienet għaddiet tagħhom!
 
Elise u Luca ma tilfux ħin u libsu l-fradal f’kemm ilni ngħid. Il-mamà wiżnitilhom l-ingredjenti meħtieġa għall-kejk, skont ir-riċetta, u mbagħad newlithomlhom. Fi skutella kbira tal-plastik ħalltu flimkien id-dqiq, il-bajd, il-butir, iz-zokkor, il-ħalib, il-baking powder u ż-żbib. Sakemm it-tfal qagħdu jħawdu l-kejk il-mamà warrbet ftit, għax il-papà qalilha li Peter kien qabdu l-għatx.
 
Tistgħu taħsbu kemm Elise u Luca ħadu gost iħawdu l-kejk ftit kull wieħed bl-imgħarfa tal-injam! Dakinhar kienet l-ewwel okkażjoni tagħhom li fiha kienu qegħdin isajru xi ħaġa, u għalhekk ma ridux joħorġu ta’ ħmir. F’salt wieħed Elise ftakret li kienu nsew iżidu ftit mixed spice mat-taħlita tal-kejk, bħalma kienu raw fuq it-televixin. Dlonk telgħet fuq siġġu u mill-armarju tal-kċina ħadet l-ewwel bott tal-ħwawar li rat quddiem għajnejha. Imbagħad żiedet ftit kuċċarini minnu mat-taħlita tal-kejk u reġgħet poġġietu f’postu. Sa ma ġiet lura l-mamà fil-kċina, it-taħlita kienet lesta f’reċipjent u hi qegħditu fil-forn.
 
Elise u Luca għenu lill-mamà tiżbarazza u tnaddaf il-kċina, kif kienu ftiehmu magħha qabel, biex ma toqgħodx tgerger. Xi nofs siegħa wara l-kejk kien lest, u l-mamà ħarġitu mill-forn u ħallietu jibred. Elise u Luca kienu mejtin biex jaqsmuh ħalli jaraw jekk ħarġux gwappi daqs il-koka tat-televixin. Kienu beħsiebhom idewquh lin-nanniet ukoll, minbarra lill-mamà, lill-papà u lil Peter, ħalli jaqilgħu l-prosit mingħandhom.
 
Iżda oħroġ il-għaġeb ħadd ma felaħ jieklu l-kejk, u bir-raġun! Kif kont tieħu mqar gidma minnu, f’ħalqek kont tħoss ħruq akbar min-nar tal-infern, u kien ikollok tixrob ftit ilma mhux ħażin sakemm jgħaddilek! Tgħid għaliex kien jaħraq daqshekk il-kejk? Mhux suppost li kellu ingredjenti jaħarqu fih. Elise u Luca mhux talli ma qalgħux tifħir, imma talli l-kejk kellu jintrema. Ħadd ma seta’ jifhem x’kien ġara, iżda qalb Elise għamlet tikk. Intebħet li kienet għamlet balbuljata meta żiedet il-curry mat-taħlita tal-kejk minflok il-mixed spice! Mhux ta’ b’xejn li l-kejk kien jaħraq! Qalet lil Luca bl-iżball oħxon li għamlet, u t-tnejn ftiehmu li l-biċċa tibqa’ bejniethom biss, għax inkella kienu jaqgħu għaċ-ċajt.
 
Meta mbagħad għadda ż-żmien u Elise u Luca reġgħu sajru l-istess kejk, qagħdu attenti ferm mill-iżbalji u ħarġu kburin bir-riżultat. Din id-darba l-kejk ittiekel kollu. Tant intgħoġob li l-familja kollha kienet kelma waħda: “Kemm jafu jsajru Elise u Luca, Alla jberikhom!’’ Minn dakinhar ’l hemm Luca u Elise baqgħu jsajru l-kejkijiet favoriti tagħhom u jdewquhom lil kulħadd.
 
 

Rigal mhux mistenni għal Jum Il-Missier

altGħalkemm il-mamà u l-papà ma kinux anzjani, iż-żmien beda għaddej ġmielu minn fuqhom. Kienu ilhom miżżewġin ftit mhux ħażin, u wara t-twelid ta’ Elise u Luca, huma ntefgħu jaħdmu bis-sħiħ biex jagħtuhom trobbija xierqa, u ma jkun jonqoshom xejn.
 
Kollox kien miexi ħarir, sakemm il-mamà nbidlet mil-lejl għal nhar. Filli kienet tmur għax-xogħol kuljum, u filli bdiet tibqa’ d-dar, tistrieħ fuq is-sufan, u tara t-televixin jew taqra ktieb. Is-soltu mhux biss kienet tlaħħaq mal-karriera tagħha, iżda anki mal-faċendi tad-dar. Issa bilkemm kienet għadha tmiss biċċa tal-art b’idha. Lil Luca u lil Elise bdiet ta’ spiss tibgħathom jilagħbu f’kamrithom għax ma kinitx tiflaħhom jagħmlu l-istorbju fil-kċina. Meta l-papà kien idoqq xi ftit diski Taljani fi tmiem il-ġimgħa, il-mamà kienet tmur tistrieħ minflok ma tiċċaqlaq mar-ritmu u tkanta l-lirika, bħal qabel.
 
Din l-imġiba stramba tal-mamà ma waqfitx hawn. Meta qorob Jum il-Missier, hija ma wriet ebda entużjażmu, bħas-snin l-oħra. Elise u Luca baqgħu skantati kif ma kienet ħadithom imkien biex jixtru rigal u kartolina lill-papà. Huma bdew jinkwetaw, u jitnikktu għax ħasbu li kien ġralha xi ħaġa lill-mamà, u ma kienet uriethom b’xejn. Jekk lill-papà ma setgħux jagħtuh rigal għax kienu għadhom żgħar wisq biex imorru jixtru waħidhom, huma kienu jafu jagħmlulu kartolina sempliċi! Lejlet Jum il-Missier, Elise qasqset ftit karti bojod, u waħħlithom flimkien bil-kolla. Luca sab stampa sabiħa ta’ plejer tal-futbol mill-magazine, u waħħalha fuq in-naħa ta’ quddiem tal-kartolina. Imbagħad, Elise kitbitlu fuq in-naħa ta’ wara b’ittri kbar: ‘INĦOBBUK, PAPÀ!’ 
 
L-għada filgħodu wara l-quddies, il-familja kollha nġabret madwar il-mejda tal-ikel. Il-papà ferra’ t-te lil kulħadd, u ħareġ platt fond mill-armarju, u mlieh bil-gallettini taċ-ċikkulata. Elise marret tiġri f’kamritha, u ġabet il-kartolina. Marret tagħtiha lill-papà, u hu tgħidx kemm ħa gost biha. Il-mamà bdiet titbissem. Issa kien wasal il-waqt li tiżvela s-sorpriża, li kienet ilha taħmi għal dawn l-aħħar ġimgħat.
 
Il-papà ma  riedx jemmen lil widnejh meta ħa l-aħbar, li se jerġa’ jsir missier. Dan kien l-aqwa rigal, li seta’ jaqla’ dakinhar, propju fil-ġurnata ddedikata lilu. Il-Bambin kien reġa’ ftakar fihom u kien se jagħtihom ġawhra oħra. Elise u Luca mhux biss ferħu li kien se jkollhom żieda fil-familja, iżda ħassewhom li qegħdin jerfgħu biċċa mir-responsabbilita` wkoll. Ma kinux jaraw is-siegħa u l-mument li jaraw lit-tarbija l-ġdida fid-dar tagħhom, u tgħidx kemm ħadu gost iduru l-ħwienet mal-mamà u l-papà biex jixtrulha l-ħwejjeġ u l-ġugarelli.  Ftit tax-xhur wara, twieled Peter, ġmiel ta’ tifel, kemmxejn samrani, u b’għajnejh kbar, żoroq. Malli rawh, Elise u Luca stħajluh pupu tal-laħam, u ma kinux jiċċaqalqu minn ħdejh ħlief biex imorru l-iskola. Il-mamà u l-papà raddew ħajr lill-Mulej talli kompla jżejnilhom ħajjithom b’dan it-teżor. Il-papà kien ferħan id-doppju li kien twelidlu tifel għax kien diġà deċiż li jibda jibagħtu jittrenja l-futbol ma’ ħuh Luca la jitfarfar ftit. Miskina l-mamà! Aktar ma kien idejjaqha l-futbol, aktar kienet se tibqa’ mwikkija bih. 
 
 
 
 
 
 
 
   

L-Għajbien Tal-Portmoni

Il-portmoni tan-nanna Marija kien għosfor. Fittex u ġib lil min ifittex, imma kien kollu għalxejn. In-nanna kienet għoddha tilfet rasha, għax dak il-portmoni ma kienx fih biss flus, iżda anki l-karta tal-identità, il-Kartanzjan u xi karti oħra importanti. Ħaditha bl-ikrah man-nannu Ġużi għax bdiet twaħħal fih li kien ħadhulha biex jonfoq xi ftit flus f’te u żewġ pastizzi l-każin. Iżda hu kien ilu x-xhur ma jersaq 'l hemm, jekk mhux ukoll is-snin. Wara ħafna battibekki, in-nanna emmnitu li ma kienx messilha l-portmoni, għax wara kollox in-nannu dejjem kien iħallihulha f’postu, fejn l-armarju tal-kċina, meta kien jeħdilha xi flus minnu. Mela fejn seta’ mar il-portmoni? Tgħid kien rabba s-saqajn f’daqqa waħda?
 
Moħħ in-nanna kompla jdur bħal raddiena. Bejnha u bejn ruħha fettlilha li Elise, Luca u Peter setgħu ħadulha l-portmoni biex jixtru xi ħaġa bil-moħbi ta’ kulħadd. Il-mamà u l-papà qallbu kull rokna tad-dar u saħansitra fittxu fil-karozzi tagħhom ukoll, iżda ebda portmoni mhux tagħhom ma ġie f’idejhom. In-nanna dlonk indunat li kienet żbaljat meta ħasbet ħażin fihom. In-neputijiet tagħha kienu fuq ruħhom kemm trid, imma żgur li qatt ma kienu se jaslu biex jisirqulha l-flus, daqskemm kienu tfal bil-għaqal.
 
Billejl in-nanna ma setgħetx tagħlaq għajn m’għajn. Kompliet thewden dejjem aktar forsi xi darba ssib tarf din il-biċċa tal-portmoni, li dakinhar filgħodu kienet ħaditu magħha għax-xiri u mbagħad ma ratux iżjed. Tgħid kien seraqhulha xi ħadd? Tgħid kien waqgħalha barra t-triq? Tgħid tmur sal-għassa tal-pulizija għall-għajnuna la jisbaħ? In-nanna bdiet iddur u titqalleb f’sodditha b’moħħha jitqal bil-ħsibijiet misterjużi. Marret għajnha biha meta qabad ibexbex, iżda kif daqqu s-sebgħa qamet u libset f’ħakka t’għajn biex tfittex tmur tixtri l-ħobż u l-ħalib qabel ma jqum in-nannu Ġużi. Qabel ħarġet ħadet xi ħaġa tal-flus mill-kexxun tal-gradenza u tefgħethom fil-but tal-ġakketta flimkien maċ-ċavetta tad-dar, billi ma kellhiex portmoni ieħor fejn tpoġġihom.
 
Lanqas laħaq lemaħha Raymond fil-bieb tal-ħanut tiegħu li ma staqsihiex jekk kinitx taf ta’ min kien il-portmoni kbir u aħmar li kien ħalla xi ħadd warajh għandu l-jum ta’ qabel. Qalb in-nanna għamlet tikk u dlonk ġiet f’sensiha. Mela l-portmoni kienet insietu warajha għand tal-merċa u lanqas biss intebħet! Lanqas ħaqq kemm ħabblet moħħha bil-ħsibijiet biex imbagħad sabitu hemm, ħelu ħelu! Dlonk ftakret li l-ġurnata ta’ qabel kienet għamlet xirja mdaqqsa mingħand Raymond, u wara li ħallsitu tagħha, il-portmoni kienet telqitu fejn il-cash register sakemm ġabret l-affarijiet kollha fil-basket, u mbagħad baqgħet ħierġa 'l barra mill-ħanut mingħajru. Lil Raymond qaltlu li dak il-portmoni kien tagħha u talbitu jagħtihulha. Ħassitha ferħana se ttir u wiċċha reġa’ ħa r-ruħ malli qabditu f’idejha, u ħaditu magħha lejn id-dar. Kollox kien għadu fejn kien, u ħadd ma kien serqilha jew ċaqalqilha xi ħaġa minnu. In-nannu Ġużi, il-mamà, il-papà u n-neputijiet tgħidx kemm ħadu gost li l-portmoni kien, fl-aħħar, instab! Għalkemm wara dik il-kedda n-nanna spiċċat bi wġigħ ta’ ras qawwi, issa setgħet isserraħ moħħha darba għal dejjem u ma tkomplix tinkwieta lejl u nhar, għax l-inkwiet mhu tajjeb għal ħadd, aħseb u ara għal min hu tal-età tagħha!
 
                                                     
 
 

Il-Pupa Wisq Għażiża

Elise kellha ġugarell wisq għal qalbha, u dan kien il-pupa kbira liebsa ta’ prinċipessa, li kienet qalgħet mingħand Father Christmas. Mill-ewwel inkarmet għaliha u l-mamà ħasbet li, wara ftit taż-żmien, il-pupa kienet se ssib ruħha mwarrba f’xi rokna qalb il-ġugarelli l-oħrajn. Pero` kienet marret żmerċ għax iżjed m’għadda żmien, Elise wrietha li ma kinitx tgħaddi mingħajrha. Kieku mhux għax kienet tibża’ li xi ħadd minn sħabha seta’ jeħodhielha, kienet saħansitra ġġorrha magħha l-iskola wkoll. Iżda malli tasal id-dar, Elise kienet taqbadha f’idejha u ma titlaqhiex biex donnha tpatti għall-ħin li fih ma kinitx tgawdiha. Tant kienet tistħajjilha ħlejqa tad-demm u l-laħam, li kull filgħaxija kienet traqqadha magħha u tħaddanha biex ma tibżax rieqda fid-dlam. Meta kibret ftit, bdiet ukoll tqegħedha bilqiegħda fuq il-mejda tal-kċina u tqatta’ s-sigħat tkellimha, tipprova tgħallimha xi ħaġa milli tkun qaltilhom l-għalliema fil-klassi, jew taparsi titmagħha xi biċċa ħobż jew xi ftit ċikkulata. F’kelma waħda, il-pupa kienet saret qisha oħtha ż-żgħira.
 
Luca ma kienx jieħu daqshekk gost xħin jara lil oħtu mwaħħda daqstant mal-pupa u kien iħoss li din ix-xi ħaġa tal-plastic kienet ħaditlu postu f’ħajjitha. Kien jixtieq li Elise wkoll tilgħab miegħu, meta tkun id-dar, għax ma kienx irid jilgħab dejjem ma’ ħuh, Peter biss. Huwa tgħidx kemm kien iħarsilha bl-ikrah lill-pupa, u kieku seta’ kien jisparixxiha ħalli oħtu tibda tagħti kasu bħal qabel. 
   

Page 1 of 4

Follow Us

Newsflash: