L-eqdem kalkulatur fid-dinja

alt
Aktar minn mitt sena mindu nstabu oġġetti xjentifiċi f’qiegħ il-baħar, l-esperti qed jittamaw li jirnexxilhom isibu aktar sigrieti. Dan permezz ta’ teknoloġija ferm aktar moderna fl-għadis.
 
Arkeologi Griegi u Amerikani qed iħufu madwar in-nawfraġju ta’ bastiment antik Ruman f’Antikythera, billi jilbsu l-Exosuit – libsa tal-għadis mill-aktar moderni – li tippermettilhom jinżlu aktar mid-doppju tal-fond li kienu jinżlu.
 
Fl-1900 l-għaddasa kienu sabu dak li ssejjaħ il-Mekkaniżmu t’Antikythera – makkinarju tas-seklu tnejn qabel Kristu, li jitqies bħala l-aktar kompjuter qadim tad-dinja. Is-sejba saret ’il barra mill-gżira Griega.
 
Dan kien mekkaniżmu avvanzat immens, użat mill-Griegi tal-qedem biex jistudjaw iċ-ċikli tas-sistema solari. Tant kien avvanzat dan l-arloġġ li kellhom jgħaddu 1,500 sena oħra biex fl-Ewropa ntlemaħ arloġġ ieħor sofistikat bħalu.
 
Il-libsa tal-għadis Exosuit, prodotta fil-Kanada min-Nuytco Research, tippermetti lill-għaddasa jinżlu f’fond ta’ 492 pied (150 metru). Hi magħmula mill-aluminju u kapaċi tissupplixxi l-ossiġnu għal 50 siegħa, kif ukoll tippermetti li ssir komunikazzjoni ma’ nies fuq il-baħar permezz ta’ optical cable.
 
Fiha wkoll erba’ muturi (thrusters) b’qawwa ta’ 1.6 horsepower biex jgħinu lill-għaddas idur taħt il-baħar b’ħeffa tabilħaqq kbira. Kull libsa tiżen bejn 226  u 272 kilogramm. Il-prezz tagħha jibda minn madwar €502,155.
 
Angeliki Simosi, Kap tad-Direttorat għall-Antikitajiet ta' Taħt il-Baħar, qal li hemm sinjali tajbin ħafna li jafu jinstabu oġġetti oħra fuq il-bastiment mgħarraq. Dan jista’ jbassru wara l-għadis li sar fl-2012 u l-2013.
 
Dimitris Kourkoumelis, arkeologu ieħor fit-tim, qal li hemm numru ta’ oġġetti taħt il-baħar, peress li dan il-bastiment kien iġorr ħafna rikkezzi mill-Asja Minuri.
 
L-istess arkeologi qed jisperaw li jikkonfermaw il-preżenza tat-tieni vapur mgħarraq, madwar 250 metru bogħod mis-sejba oriġinali.
 
L-‘arloġġ’ antik li nstab u ttella’ kien f’kaxxa tal-injam ta’ 340 x 180 x 90 mm u jikkonsisti minn gerijiet, uċuħ tal-bronż u roti li jingranaw f’xulxin. Instabu wkoll 40 gear tal-bronż maħdumin bl-idejn. Dan il-mekkaniżmu jingħad li nħoloq madwar is-sena 100 qabel Kristu u aktarx hu l-eqdem kalkulatur tad-dinja.
 
Studji li saru fuqu huma tal-fehma li kien jintuża biex jara l-moviment tal-pjaneti u l-qlib tal-jiem u s-snin.
 
Bħalissa l-mekkaniżmu jinsab esibit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija f’Ateni.

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: