Ħlas tad-deċmi jew l-għexur

altminn Charles B. Spiteri

Kien rappurtat li Spetturi tat-Taxxa fl-Ingilterra qed jużaw il-mapep mill-Google biex jispjunaw fuq id-djar ta’ dawk li huma suspettati li mhumiex iħallsu taxxa kemm suppost.

Ir-ritratti mill-‘Google Earth’ jagħtu l-opportunità lil min jużah, biex permezz tas-satellita jifli d-djar u jagħti l-faċilità lill-kolletturi tat-taxxa jsiru jafu bil-kwalità ta’ ħajja li jgħixu l-individwi u s-sinjurija tagħhom; bħal kemm-il karozza għandhom u t-titjib li jagħmlu fi djarhom.

L-uffiċjali tad-Dwana u tat-Taxxa jdaħħlu l-informazzjoni f’kompjuter qawwi u jiddeċiedu għandhomx jinvestigaw lil sidien ta’ djar, li skont huma jkunu qed iħallsu inqas taxxa minn dak li dovut.

Google Earth’ hi l-aħħar arma fil-battalja tal-HMRC (Her Majesty’s Revenue and Customs), li għandha timla l-ħofra ta’ €42 biljun f’evażjoni tat-taxxa.

Is-‘supercomputer’ bl-isem ta’ ‘Connect’, li kważi sewa €60 miljun, inbena tliet snin ilu mill-‘BAE Systems’ u diġà fih aktar minn biljun informazzjoni fuq individwi li huma suspettati li ma ddikjarawx id-dħul kollu tagħhom.

Intqal li l-uffiċjali tal-HMRC se jindagaw kemm kull persuna qed tħallas taxxa u jqabbluha kemm mad-dħul finanzjarju li jdaħħlu kif ukoll mal-kwalità ta’ ħajja li jgħixu. Bla dubju din se tkun mossa li ma togħġobx lill-elettorat!
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: