Ħidmet Alla f’ċirkustanzi misterjużi

altPaulo u Felipe Lizama miċ-Ċile huma aħwa, tewmin u saċerdoti. Lil ommhom kien intqalilha biex tabortixxi, iżda rrifjutat. Meta kienet tqila, it-tabib tagħha qalilha li kellha tarbija waħda, iżda b’diformitajiet. Minflok, twieldu żewġ subien, u ssostni li kien imnalla li dakinhar kienet wieġbet: “Naċċetta kulma jibgħatli Alla.”
 
L-aħwa tewmin jgħidu li d-determinazzjoni ta’ ommhom li tipproteġihom mill-parir tat-tobba biex tabortihom, għenithom fil-vokazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. “Kif nista’ ma niddefendix lil Alla tal-ħajja?” qal Fr. Paulo Lizama. “Din il-ġrajja saħħitli l-vokazzjoni tiegħi u tatni vitalità speċifika u b’hekk kont kapaċi nagħti lili nnifsi għal dak li nemmen fih.”
 
Fr. Paulo u ħuh tewmi identiku, Fr. Felipe, twieldu fl-1984, fil-belt Ċilena ta’ Lagunillas de Casablanca. Qabel ma sabet li kienet tqila, ommhom Rosa Silva, esponiet ruħha għal xi x-rays waqt ħidmietha bħala paramedika. Konsegwentement, wara li kkonfermalha t-tqala, it-tabib tagħha ordnalha l-ultrasounds u infurmaha li kien ra ‘xi ħaġa stramba’ fir-ritratti.
 
Qalilha: “it-tarbija għandha tliet idejn u saqajha huma marbutin f’xulxin. Barra minn hekk għandha żewġt irjus.” Għalkemm għal raġunijiet terapewtiċi, dak iż-żmien, l-abort kien legali fiċ-Ċile u t-tobba qalulha li ħajjitha kienet fil-periklu, Rosa opponiet l-idea tagħhom u riedet tkompli bit-tqala.
 
Fr Felipe qal: “Alla għamel ħidmietu u pproduċa tewmin. Ma nafx jekk it-tobba kinux imqarrqa, jew x’seta’ ġara.” Min-naħa tiegħu Fr. Paolo żied “Dejjem naħseb b’imħabba speċjali, f’qalb ommi, li kienet lesta tagħti ħajjitha għalina.”
 
It-tewmin twieldu fl-10 ta’ Settembru, tal-1984. L-ewwel ma twieled Felipe u wara 17-il minuta twieled Paolo. Huma saru jafu fuq iċ-ċirkustanzi ta’ twelidhom meta kienu fis-sitt sena tas-seminarju.
 
Huma tal-fehma li kien l-għerf ta’ ommhom u qalbha li ppermettitilhom isiru jafu dwar twelidhom fiż-żmien adatt, għax aktar jemmnu li Alla ma kienx qed jaħdem fuqhom minn meta bdew il-vokazzjoni tas-saċerdozju, iżda sa minn qabel ma twieldu.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: