Djar tal-fantasija fis-siġar

altPete Nelson hu perit b’ambizzjonijiet mhux tas-soltu. Għal dawn l-aħħar 15-il sena wettaq b’mod reali l-ħolm tat-tfulija tiegħu – li jibni djar uniċi fis-siġar. Pete ta’ 50 sena minn Seattle, bħalissa qed jippreżenta l-wirja televiżiva tiegħu stess bl-isem ta’ ‘Treehouse Masters’ fuq Animal Planet. 
 
Hu jsostni li d-djar tas-siġar huma direttament marbutin man-natura u għalhekk aħna ninsabu fi ħdan dawn l-istess siġar. Mindu beda n-negozju tiegħu fl-istat ta’ Washington, id-disinjatur Nelson Treehouse, bena mijiet ta’ djar moħbija f’26 stat f’disa’ pajjiżi.
 
F’Waco, Texas bena waħda minn dawn id-djar ta’ 800 pied kwadru kompluta b’kamra tal-banju u televiżjoni flatscreen enormi, waqt li f’Rhinebeck, New York bena Dar tal-Ispirti, bi gwida minn shaman. F’kelma waħda, Nelson hu l-bniedem li mill-ħolm jgħaddi għall-fatti. 
 
altPete Nelson jistqarr li d-djar fis-siġar mhux biss jiġbru lill-familji flimkien, iżda anki lil ħbiebhom u lil komunitajiet sħaħ. Dan hu l-każ tal-familja ta’ Pete innifisha. Il-fantasija tiegħu għad-djar fis-siġar nibtitlu meta kellu ħames snin u missieru għenu jibni waħda. Issa, li hu missier hu stess, Pete qed isib l-għajnuna għan-negozju tiegħu f’ibnu Charlie, li għandu 21 sena u hu mastrudaxxa u bintu Emily ta’ 23 sena. 
 
Għalkemm id-djar fis-siġar jitqiesu bħala logħob għat-tfal, Pete jassigura li ħafna mill-klijenti tiegħu huma nies adulti li qed ifittxu li jinqatgħu mill-għagħa tad-dinja. Hu jgħid ukoll li jkollu telefonati minn individwi li jqabbduh jibnilhom dar fis-siġar għal uliedhom, iżda jħoss li d-djar ikunu se jsiru għalihom infushom. Għax waqt li l-ewwel dar li bena ma’ missieru kienet waħda sempliċi, id-disinji tiegħu llum huma spettakulari.
 
Il-ħidma tiegħu tinkludi djar lussużi fil-friegħi, fosthom birrerija, u dar tonda magħmula mis-sufra, b’fuklar fin-nofs. L-aktar dar tas-siġar mibnija minn Pete u li swiet l-ogħla ammont ta’ flus, saret f’ Yelm, Washington, għall-prezz ta’ €275,000.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: