Dak kien Żmien

Għand tal-grocer

Fi Triq il-Kbira l-Ħamrun m’aħniex neqsin mill-"grocers". Ħanut minnhom maġenbna, tliet bibien bogħod mid-dar. Insibuh bħala ta’ Marija l-Għawdxija, għax hi minn Għawdex. Ieħor fil-kantuniera, ta’ Ċikka, u kif taqsam il-kantuniera u taqbad il-bankina l-oħra hawn il-"grocer" ta’ Toni ta’ Balalu.

Meta n-nanna tkun tridni nixtrilha xi ħaġa mmur għand Marija, l-ewwel nett għax viċin tagħna u t-tieni għax it-tfal tagħha, Nenu, Ġużi u Lolly huma ħbieb tiegħi. Id-dehra tat-tliet ħwienet hi antika ħafna. Xkaffar għoljin bil-prodotti fuqhom, kaxxi mferrxin kullimkien fl-art, kxaxen goffi għall-għaġin tar-razzjon, tankijiet tal-45 gallun biż-żejt, li wkoll jinbiegħ bir-razzjon, vetrini għall-ħelu u oħra għall-ġobniet u l-laħmijiet bħal perżut, murtadella u luncheon meat tal-użin.

Sa issa, kollox tixtri bin-nofs kwart u nofs nofs kwart. Ġieli nixtru x-xaħam bl-użin, li jkun f’laned kbar. Ir-riħa tiegħu tinten. Bih nagħmlu l-qali tal-ikel, u lin-nannu ġieli narah jidlek il-ħobż bih. Fit-tisjir, ir-riħa tiegħu inxommha wkoll, iżda ħaġa tal-iskantament naħseb li fit-togħma, l-ikel jiġi aktar bnin.

 

Quddiem il-Qorti

Il-lum il-Ħamis, 21 ta’ Jannar, 1965. Għad għandi inqas minn14-il sena. Ninsab beżgħan għax irrid nitla’ l-Qorti. Kelma, li minn dejjem tnissel ċerti ħsibijiet koroh. M’jienix akkużat, iżda xhud għal każ li laqgħet ħażin liz-zija Connie.

altFtit qabel il-Milied ta’ din is-sena, bagħtitni nixtrilha flixkun whisky. Il-qatra tħobbha. Tatni lira u mort għand Toni Balalu. Infaqthielha kollha, għax daqshekk qalli li jiswa dak il-whisky. X’jismu ma niftakarx. Naf biss li fil-qiegħ għandu ħafna frak. Iz-zija taħbi l-flixkun kullimkien, imqar qalb il-ħwejjeġ jew f’xi komodina.

Fl-istess żmien bagħtitni għand Marija l-Għawdxija nixtrilha flixkun ieħor. Whisky ta’ Malta. L-isem hu Keystone Whisky. Hu ħafna irħas mill-ieħor. Biex ma noqgħodx nitkellem, ġieli tagħtini kemxejn. Minnta’ Toni doqtu, iżda mill-ieħor għad le.

 

Kuxjenza tat-tfulija

Xahrejn ilu, sewwasew f’Settembru tal-1961, reġgħu fetħu l-bibien tal-iskejjel wara l-vaganzi tas-sajf. Għall-ħames sena, fl-età ta’ għaxar snin, tiela’ fil-klassi Standard III, fl-iskola ta’ wara l-Għassa tal-Pulizija, fil-Ħamrun. Ta’ għaxar snin, l-innoċenza tibda twarrab għal avventuri brikkuni, kif se nirrakkonta.

Bħalissa, Novembru, jiġi mfakkar Jum il-Pepprina (Poppy Day) biex niftakru f’dawk il-bnedmin kollha li mietu kaġun tal-gwerra.

L-iskola ġew nies b’numru kbir ta’ bottijiet bojod magħluqin, b’xaqq fin-naħa ta’ fuq, qishom karusijiet u b’qafla min-naħa għall-oħra, biex jiddendlu mal-għonq. Fuqhom għandhom pepprina.

   

Il-Ford ta’ molla wahda

Iz-ziju Willie, għalkemm iżżewweġ għandu l-ewwel tarbija, għadu jiġi kuljum, filgħodu, fid-dar tan-nanna qabel ma jmur ix-xogħol. Hekk kif in-nannu jiftaħ il-ħanut f’xi l-4.30 a.m., iz-zija Connie tinżel tagħmillu t-te bil-lumi u tixgħel ir-Rediffusion, li ma jiftaħx qabel is-sitta ta’ filgħodu.

Dak il-ħin mis-sodda nisma’ l-isbaħ talba kantata tal-Ave Maria,  darba ta’ Schubert u darb’oħra ta’ Gounod. It-tnejn iqajmuni b’burdata tajba. Wara ftit minuti jasal iz-ziju Willie, li ftit aktar qabel ikun għadda l-ħanut u qagħad ħdejn in-nannu. Miegħu, id-dar itella’ l-ġurnali kollha – it-Times, l-Orizzont u l-Berqa u jintasab fit-tarf tas-saqqu, n-naħa tas-saqajn, ikellem lin-nanna fuq it-tifel Lino u fuq ix-xogħol. F’xi ġranet, meta jaqbad il-paga, jagħtiha xi ħaġa tal-flus ukoll.

altJumejn ilu z-ziju Willie ġie ferħan aktar mis-soltu. Qal li xtara karozza mingħand wieħed li jaħdem miegħu; Salvu Attard, mill-Ħamrun. Hi karozza Ford Anglia, magħrufa bħala ta’ molla waħda. Swietu ₤100, u l-lum il-Ħadd se jiġi biha maz-zija Fefa (għal Raffaela) u ma’Lino. Filgħaxija għandu joħroġ lili u lin-nanna wkoll. Għandna mmorru sa Birżebbuġa.

 

Is-sajf u l-insetti li jzuruna

alt

Riesaq ġmielu s-sajf lejn l-aħħar tas-snin ħamsin. L-iskola primarja għaddejjin bin-nofstanhari. Minkejja li ma ndumux fil-klassi sal-4.00 p.m., il-ħedla xorta tagħmel tagħha. L-aktar meta wara l-iskola, ikolli nimxi t-triq minn ħdejn l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, sal-Blata l-Bajda. Ix-xemx tiżreġ u magħha ġġib kemm il-qamel, il-baqq u wkoll in-nemus.

Il-qamel hu dudu li jtir minn ras għall-oħra tat-tfal. Naturalment, peress li fl-iskola ninsabu numru ta’ studenti, ilkoll b’qoffa xagħar fuq rasna, il-qamel jista’ jagħmel bejta fuq kull tifel u tifla tal-iskola. Qamla waħda u tista’ tagħmel infestazzjoni sħiħa.

Għalhekk, meta filgħaxija n-nanna Alice tintasab bilqiegħda wara l-grada fuq siġġu u jien quddiemha fuq il-pulturna żgħira li xtrali n-nannu Karm, inserraħ rasi fuq kuxxtejha u b’subgħajha fin-nokkli ta’ xagħri, tiflili u kultant issibli xi duda. Għandha paċenzja enormi u ma tiqafx qabel ma taċċerta ruħha li daritli rasi kollha. Meta tlesti, tobrom il-karti tal-gazzetta, iddawwarli n-nokkli fuqhom u torbotli waħda ħdejn l-oħra. Nitla’ norqod bihom b’kollox sal-għada filgħodu.

   

Disgha min-nies f’garaxx

altHi ħajja differenti li fis-sajf ikollok post ħdejn il-baħar. U bħalissa hekk qed nagħmlu. Qed noqogħdu Buġibba għas-sajf. Il-papà jibqa’ ġewwa, għax ix-xemx u l-baħar ma jħobbhomx u jien u ħuti, mal-mamà u n-nanna ninżlu ħdejn il-baħar.

Qed noqogħdu f’garaxx li z-ziju Willie kera xhur ilu mingħand wieħed furnar mir-Rabat, magħruf bħala l-Bloqq. Jien mort miegħu meta krieh. Jidhirli Lm12 fis-sena. U qabel ma tlaqna mill-forn, il-Bloqq żerżaqli borża qagħaq f’idejja.

Maż-żmien, iz-ziju Willie rranġa l-garaxx mill-aħjar li seta’. Qasam il-fond fi tnejn, b’ħajt diviżorju tal-injam, b’bieb fin-nofs u żewġ twieqi fil-ġnieb.

 Il-parti ta’ barra sservi bħala salott u kamra għall-ikel u fuq ġewwa għal xi sodod. F’rokna n-naħa ta’ ġewwa nett ħalla qatgħa għall-kċina u n-naħa l-oħra għalaq parti għal sedil tal-injam li jeħel mal-ħajt fuq barmil.

 

It-Transistor Radio

altJingħad li l-ewwel sistema tas-servizz tar-radju f’Malta waslet lejn l-1935-37. Kienu jkunu radjijiet kbar, li toqgħod iddawwar bosta buttuni biex taqleb l-istazzjonijiet – meta tkun xortik tajba.

In-nannu Karm għandu radju minn dawn fis-sala. Jinsab f’biċċa għamara sabiħa. Isfel qishom saqajn ta’ mejda skulturata, imbagħad fuqhom kaxxa li tinfetaħ minn quddiem b’bieba "shutter", li tinħeba fuq ġewwa meta tinfetaħ. Imbagħad fuq din, bħal niċċa kollha skultura u ħġieġ mal-erba’ naħat, li fiha hemm statwa kbira ta’ San Publiju.

Meta n-nannu jiġi biex jixgħel ir-radju ma tantx jieħu gost bija ħdejh, iżda jien nissaħħar narah idawwar buttun u filli tisma’ t-textix, u filli l-kliem bl-Ingliż jew bit-Taljan. Wara ftit, jerġa’ jniżżel ix-"shutter" u jagħlqu biċ-ċavetta, biex ħadd ma jiftħu.

   

Page 1 of 7

Follow Us

Newsflash: