Biex Il-Kliem Ikun Sew

Żift

ŻIFT   1. Għelk li joħroġ mis-siġra taż-żnuber. Dan jista’ jissajjar u b’hekk isir ta' kulur sewdieni. 2. Kelma oħra għal-likwidu li jixbah lill-qatran.

Din il-kelma ġieli tingħad bħala ewfemiżmu għal kelma oħra vulgari. Hemm qawl li jgħid hekk: Il-qorti għatba taż-żift, tmidd sieqek fuqha u teħel.

 

Xixu

XIXU Logħba tat-tfal li kienet tintlagħab fit-toroq bejn żewġt itfal jew aktar. Dawn jużaw biċċtejn injam - waħda twila bejn 30 u 40 ċm u l-oħra laqxa ta’ bejn 5 u 10 ċm. Din tal-aħħar titqiegħed mal-art, u bl-injama l-kbira t-tfal kienu jagħtu daqqa b’saħħitha mat-tarf tal-injama ż-żgħira, biex din jalzawha mill-art u hekk tittajjar fl-ajru kemm jista’ jkun ’il bogħod. Jirbaħ il-logħba min iwassal l-injama l-aktar ’il bogħod. Meta l-laqxa jtajruha ’l hinn, imbagħad, kienu jgħidu, ‘Kemm se tieħu sal-posta?’ jiġifieri ‘Kemm hemm bogħod minn fejn waqgħet il-laqxa sa fejn hemm il-post aħħari fejn trid titwassal?’ U l-ieħor jgħid, ‘Ħa nieħu ħamsin’ (it-tul tal-injama mmultiplikat ħamsin darba). Allura jekk ikollu dubju jrid ikejjel ħamsin tul tal-injama t-twila mill-post fejn taret il-laqxa. Jekk il-ħamsin joqogħdu, jiżdiedu mal-punti, u jekk le jitlef kollox. Ir-regoli u l-intriċċi kienu jinbidlu skont it-tfal ta’ dak il-post. Sorsi: Mario Galea, Facebook, Kelmet il-Malti.

 

Talja

TALJA   Sat-Tieni Gwerra Dinjija t-talja kienet, tista’ tgħid, il-ktieb tal-kontijiet li l-bdiewa kienu jżommu biex jitħallsu mill-pitkal li jkun biegħ il-biegħa tiegħu. Fi żmien meta l-bdiewa ma kinux jafu A minn B u wisq inqas jiktbu, it-talja kienet isservi ta’ reġistru. It-talja kienet tkun magħmula minn virga tas-siġar tal-qastan, bħal dawk li jintużaw ukoll biex isiru l-qfief l-antiki. Minnhom l-iskrivani tal-pitkalija kienu jfasslu injama twila daqs 40 ċentimetru u wiesgħa daqs 2.5 ċm. Fit-tarf kien ikun hemm ma' fejn tintrabat, biex din tinġarr taħt il-karettun mill-bidwi.
   

Stola u Salib

STOLA U SALIB   Espressjoni li tfisser li bniedem li wieħed ikun qiegħed jirreferi għalih hu bla sold fil-but. Ara Joseph Aquilina. Ħajr lil Dun Ġwann Galea.

 

Smaċtu / Żmaċtu

SMAĊTU / ŻMAĊTU   Bniedem stramb li jġib ruħu mhux tas-soltu. J.A. jgħid li din tista’ tkun ġejja minn ‘xiżmatiku’.

Kelma oħra simili hi SMAJĊ / ŻMAJĊ / SMAJTX – raġel tal-kampanja. Bniedem li jiġbor iż-żibel. 

Kelma li kienet tintuża mill-Militar Ingliż u li kienet tirreferi għal xi ħadd li xogħlu kien li jiġbor iż-żibel fil-kwartieri tas-suldati. Ing. smitch. Din il-kelma hi waħda minn żewġ loan words mill-ilsien Ingliż li jidhru fid-dizzjunarju ta’ G.B.F. (1945). Ara: IBBLAKKA.

   

Page 1 of 7

Follow Us

Newsflash: