Bidlulhom lil uliedhom

altminn Charles B. Spiteri

Fl-aħħar tas-sena li għaddiet seħħ mument straordinarju għal żewġ ommijiet li bi żball tal-infermiera tal-maternità fl-isptar, ngħataw it-tarbija tifla li ma kinitx tagħhom.

B’kumbinazzjoni, iż-żewġ ommijiet jisimhom Lyudmila u t-tnejn kellhom jagħmlu ċesarja fl-istess waqt fi sptar Russu. Wara li ħadu lit-tfal fid-djar rispettivi u sqewhom il-ħalib ta’ sidirhom għal mija u jumejn, l-ommijiet reġgħu ltaqgħu fil-klinika tal-maternità u bidlu liż-żewġt ibniet.

Finalment, Lyudmila Dubaeva (xellug) u Lyudmila Trofimova (lemin) għandhom lil veri uliedhom.

Biex itaffu ftit mill-agunija li għaddew minnha mindu saru jafu bl-iżball, iż-żewġ nisa nżammu għal ftit jiem fl-istess kamra tal-isptar, jgħinu lil xulxin bil-veru wild tagħhom u biex isiru jafu aħjar xħin kienu jraqqduhom u liema kantalieni kienu jħobbu jisimgħu.

Lyudmila Dubaeva ta’ 32 sena stqarret li ż-żwieġ tagħha kien se jitfarrak meta l-eżami tad-DNA wera li t-tarbija ma kinitx ta’ żewġha. Għalhekk hu ħaseb li kienet infidila miegħu u hedded li jiddivorzjaha.

Appena welldu b’ċesarja, fis-6 ta’ Awwissu li għadda, kemm hi kif ukoll Lyudmila Trofimova ta’ 28 sena ssuspettaw li ngħataw it-tifla ta’ xulxin – Aishat u Anna rispettivament – iżda l-awtoritajiet tal-isptar f’Naberezhnye Chelny qalulhom li żball bħal dak kien impossibbli.

Anki meta n-nisa ħallsu għall-eżamijiet tad-DNA, li kkonferma l-iżball – l-isptar baqa’ jinsisti li ma kienx hemm bdil ta’ trabi. Kellu jkun rapport lill-Pulizija minnLyudmila Trofimova li ġiegħel lit-tobba jaċċettaw li l-ommijiet kellhom raġun.

Finalment, l-isptar aċċetta wkoll l-iżball; keċċa lill-ħaddiema li kienu responsabbli għall-każ u offra l-għajnuna kollha lill-ommijiet.

Mimlija emozzjoni, Trofimova, bilqiegħda ħdejn Lyudmila l-oħra qalet li lil Dubaeva tqisha bħalha aktar minnoħtha, aktar minnxi ħadd familjari. U lil bintha saret tħobbha daqslikieku kienet tagħha.

Min-naħa tagħha Lyudmila Dubaeva qalet li kienu operati fl-istess waqt, fl-istess teatru. Uliedhom twieldu ftit minuti bogħod minnxulxin. Meta kienet tmur għall-eżami tat-tqala, kienu qalulha li t-tarbija tagħha se tkun tiżen 3,600 gramma, iżda dik li tawha kellha piż ta’ 2,800 gramma.

Wara li telqu d-dar bit-tfal, l-ommijiet baqgħu f’kuntatt u meta Dubaeva rat li t-tifla li kellha Trofimova kienet iktar kabbarija, iżjed aċċertat ruħha li kien sar żball fl-isptar.

Dan ma kienx l-ewwel każ fi sptar Russu u l-awtoritajiet dejjem saħqu li n-numru ta’ taħlit tat-trabi ma jkun magħruf qatt.

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: