Arloġġ bi storja jinbiegħ fi rkant

altminn Charles B. Spiteri

Arloġġ tal-idejn tad-ditta Rolex, milbus minn priġunier tal-gwerra li għen fit-tħaffir tal-mini għall-famuża ħarba magħrufa bħala ‘Great Escape’ se jkun irkantat u mistenni jġib €35,143.

Minkejja li kien miżmum fil-kamp Ġermaniż Stalag Luft, il-Logutenent Gerald Imeson xorta waħda seta’ jordna u jirċievi l-arloġġ ġdid fl-1942.

Il-produttur tal-arloġġi Żvizzeri kien offra lill-priġunieri Ingliżi kollha tal-gwerra, arloġġ ġdid fjamant minn tiegħu, għax dawk li kellhom fuqhom qabel ma nqabdu priġunieri, kienu tteħdulhom mill-Ġermaniżi. Id-ditta Żvizzera għamlet dan bil-patt li wara l-gwerra, jħallsu għalihom.

Il-Logutenent Imeson libes l-arloġġ Rolex waqt li għen fit-tħaffir tal-mini li kellhom jgħinu lill-priġunieri jaħarbu fl-1944. Hu kellu l-parti ta’ ‘pengwin’ – wieħed mill-irġiel li b’mod sigriet kien jitfa’ l-ħamrija maqlugħa fil-bwiet imtaqqba ta’ ħwejġu u jferrixha kull fejn imur.

altKellu jkun il-172 persuna fil-kju tal-priġunieri li kellhom jaħarbu, iżda ma laħaqx wasal sal-mini, għax l-għassiesa Ġermaniżi kixfu l-pjan.

Meta reġa’ lura fil-Gran Britannja, u sewwasew fl-1947, kellu jħallas il-kont tal-arloġġ -- €199, (madwar €5,857 tal-lum). Ma ħallasx ma tmiem il-gwerra, peress li dak iż-żmien, il-Gvern Ingliż ma ħalliex flejjes joħorġu barra l-pajjiż. Ried jistenna l-permess tal-Bank Ingliż biex seta’ jibgħat il-flus lejn l-Iżvizzera.

Tul ħajtu u sa ma miet fl-2003, fl-età ta’ 85 sena, Imeson apprezza ferm l-arloġġ tiegħu. Hu dejjem xtaq li wara mewtu, l-arloġġ jinbiegħ biex familtu tkun tista’ tibbenefika minnu.

Issa, se jkun irkantat minn ‘Bourne End Auction Rooms’ ta’ Buckinghamshire. L-istima tal-prezz għalih hi ta’ €29,286, iżda aktarx li l-prezz jogħla.alt

Fl-1963 sar il-filmat ‘The Great Escape’. Kien ibbażat mill-ġrajjiet veri li seħħew għalkemm xi karattri kienu fittizji. Fil-film ħa sehem prinċipali l-attur Steve McQueen bħala l-Kaptan Virgil Hilts, James Garner bħala Flight Lieutenant Robert Hendly u Richard Attenborough bħala l-Kap tal-Iskwadra Roger Bartlett.

Madankollu, mhux minnu li kien hemm xi priġunieri tal-gwerra Amerikani fit-tentattiv, u la kien hemm ħarbiet b’mutur u lanqas b’ajruplan.
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: