Aqwa mis-Sammaritan it-tajjeb!

altDin hi ġrajja li spiss konna naqraw fil-leġġendi. Iżda seħħet tabilħaqq. 
 
Neguzjant Ċiniż li hu wkoll miljunarju, mar b’bulldozer fil-post fejn trabba u waqqa’ l-għarajjex tal-injam u qala’ t-toroq kollha tajn li sab. Dan ma għamlux b’xi azzjoni ħażina. Anzi. Xiong Shuihua bena djar lussużi u tahom lin-nies li kienu joqogħdu hemm. Hu twieled fil-villaġġ Xiongkeng, fil-belt ta’ Xinyu, fin-naħa t’isfel taċ-Ċina u dejjem jiftakar kif ir-residenti kienu jindukraw u jgħinu lill-familja tiegħu meta hu kien għadu żgħir.
 
Għalhekk, meta ta’ 54 sena spiċċa jagħmel il-miljuni fl-industrija tal-azzar, iddeċieda li jpatti għall-pjaċiri... u bla ħlas. Qatagħha li jmur lura fil-villaġġ fejn trabba u u jagħti dar b’xejn, lil kull min kien joqgħod hemm. 
 
Ħames snin ilu, il-villaġġ qisu nqered u ħafna nies kienu jgħixu fi djar bażiċi. Iżda issa, dan ġie mibdul u 72 familja jinsabu ferħana, jgħixu f’appartamenti lussużi. Fl-istess ħin, 18-il familja li għenu lin-neguzjant, ingħataw villa kull waħda, fil proġett totali li sewa qrib l-£4 miljun.
 
Wara li mar joqgħod hemm, hu wiegħed ukoll tliet ikliet kuljum lir-residenti xjuħ u nies li qajla kienu jaqilgħu flus, u dan biex jassigura ruħu li jistgħu jgħixu ħajja deċenti. Dan il-multi miljunarju l-ewwel beda jaħdem fl-industrija tal-bini u wara daħal fil-kummerċ tal-azzar.
 
Hu qal: “Qlajt flus aktar milli kelli bżonn u ma ridtx ninsa l-għeruq tiegħi. Jien dejjem ħallast id-djun tiegħi u issa ridt nara li n-nies li għenu lili meta kont żgħir u lil familti, jitħallsu lura huma wkoll.”
Qiong Chu, ta’ 75 sena qal: “Jien niftakar lill-ġenituri tiegħu. Kellhom qalb tad-deheb u dejjem jaħsbu fl-oħrajn. Hi ħaġa sabiħa ħafna li binhom wiret din il-ġenerożità.” 
 

Laqtiet

Follow Us

Newsflash: