Ix-Xatt tal-Isla…Kif niftakru jien

Għalkemm twelidt l-Isla, fi Strada S. Giuseppe, tgħammidt fil-knisja tal-Vitorja  fejn ukoll għamilt il-Preċett u dħalt għall-ewwel darba fl-iskola primarja tal-Isla, issa għaddew 75 sena minn meta jien irqadt l-Isla għall-aħħar darba.

Infatti xħin sebaħ il-11 ta’ Ġunju, 1940, ommi qajmitni bilwieqfa fuq is-sodda, libbsitni malajr waqt li kien jinstema’ sparar ta’ kanuni u, ma nafx kif u x’fatta sibt ruħi l-Mosta.  Kelli seba’ snin u issa kont bdejt ħajja ġdida  fil-Mosta.  Konna familja ta’ tmienja dakinhar.  Illum, s’issa, baqa’ jien biss minnhom għalkemm il-familja tagħna  llum tikkonsisti f’ħafna iżjed minn tmienja.

Għaddew tliet kwarti ta’ seklu, iżda l-Isla jien ma nsejthiex.  Infatti minn meta spiċċat il-gwerra sal-lum jiena bqajt inżurha regolarment u spiss.  Jiddispjaċini, imma, li jien l-Isla ma naf lil ħadd u fl-Isla, lili, ma jafni ħadd..  U allura nkun qisni ħuta barra mill-ilma.

Sena ilu, is-Sur Ryan Muscat, Editur tal-magazin ‘Marija Bambina Senglea’, ġentilment għoġbu jippubblikali artiklu fil-magazin tieghu. F’dan l-artiklu jien ktibt f’ċerti dettalji l-istorja naqra stramba ta’ kif il-familja tiegħi, mill-Isla sabet ruħha l-Mosta.  Permezz ta’ dak l-artiklu jien stennejt li nista’ b’xi mod  niltaqa’ ma’ xi tfal, illum xjuħ bħali, li mhux biss konna nafu lil xulxin l-Isla, iżda wkoll bqajna nafu lil xulxin il-Mosta, fejn ilkoll kemm aħna konna sibna ruħna minħabba l-gwerra. Dak iż-żmien il-Mosta, għalina n-nies tal-Kottonera jew ma kinitx teżisti jew inkella kienet id-dinja l-oħra. Il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni, dak iż-żmien, kienu għadhom primittivi ħafna. Fost persuni li niftakar mill-Isla kien hemm l-aħwa Joe, Vincent u Twanny Gatt li kellhom ukoll oħthom u li niftakar eżatt id-dar fejn kienu joqogħdu hawn il-Mosta;  Lorry Ciantar u ħutu Sophie u Georga, missierhom Fredu, ommhom Melita u n-nanna, qabla, Duminka.  Iltqajna magħhom fl-artiklu tas-sena l-oħra.  Kemm l-Isla kif ukoll il-Mosta konna noqogħdu bieb ma’ bieb. Jista’ jkun kien hemm oħrajn li nsejthom għalkemm niftakar tajjeb ħbieb oħra mill-Birgu kif ukoll minn Bormla. Ma smajt xejn minn ħadd, iżda.

Għamilt kuraġġ nerġa’ nikteb għax mill-kuntatti li kelli jidher li min qara l-artiklu ħa pjaċir iġedded ċerti memorji jew jitgħallem affarijiet li hu qatt ma kien sema’ bihom. Anki persuni hawn il-Mosta, dilettanti tal-festi, kellhom kopja tal-magazin u kellmuni fuq dak li kienu qraw u ‘skoprew’ fuqi.  Għax  l-istorja ta’ kif jien sibt ruħi l-Mosta mhux biss hi stramba, iżda wkoll ikkumplikata. Jekk is-Sur Muscat jogħġbu jerġa’ jippubblikali wkoll dan l-artiklu, nirringrazzjah bil-quddiem.

Jien ħarġuni mill-Isla qabel kont għalaqt it-tmien snin. Kont fit-tieni sena tal-iskola Primarja, Stage two konna ngħidulha. Meta dħalt l-iskola jien; ħija l-kbir, Alla jaħfirlu, kien ġa beda jgħallem f’din l-istess skola. Kien fl-aħħar tat-tletinijiet: 1937/8/9?  Xi ħaġa hekk. Ironija tad-destin, jien ukoll kont għamilt xi ġranet ngħallem fl-istess klassi li fiha kien jgħallem ħija. Iżda kien xi ħamsin sena wara.  Billi għaddew ħafna snin u billi domt hemm ftit ferm, ma niftakarx tfal. Niftakar biss tifla    ċkejkna u gustuża li kienet toqgħod quddiem il-parroċċa u li kien kunjomha Gaffarena. Illum qed  toqrob lejn l-erbgħin!  Kif itir iż-żmien!

Svijjajt naqra mis-suġġett prinċipali għax kif jgħidu, il-kliem bħaċ-ċirasa. U jien jekk naqbad inlablab, ma niqafx malajr!

Mela.  Kif ġa ghedt, jien tlaqt mill-Isla meta kelli seba’ snin u meta spiċċaw l-attakki fuq Malta fl-1943 jien bdejt nerġa’ ninżel l-Isla. Fil-bidu kont ninżel m’ommi u meta kbirt ftit kont bdejt ninżel waħdi. U allura l-Isla kont ġa nafha sewwa u niftakar tajjeb ħafna affarijiet li llum m’għadhomx hemm.

Missieri, barra li kien jaħdem shipwright mal-Ammiraljat, wara x-xogħol kien jagħmel xi frejgatina biex jaqla’ lira żejda. Kellu garaxx ix-xatt. Aħna konna nsejħulu maħżen. Għadu hemm sal-ġurnata tal-lum u ma nbidel fih assolutament xejn. Qiegħed fuq ix-xellug ta’ Dar S. Anna, fejn hemm xi erba’, ħames tarġiet. Quddiemu hemm parapett. Ifakkarni meta jien u tifel ieħor, naf min hu, konna għamilna dnub kbir li ma kontx naf kif se naqbad inqerru meta għamilna l-preċett. Kellna xi ħamsa, sitt snin, meta wieħed minna mar jagħmel pipì fir-rokna ta’ dal-parapett u l-ieħor mar jittawwallu ħalli jaċċerta ruħu li konna l-istess! Meta tfarfart u dħalt il-Liċeo, wara l-iskola li kienet tispiċċa fis-siegħa ta’ wara nofsinhar, spiss kont nibqa’ sejjer ħdejh u niltaqa’ ma’ xi tfal oħra li kont naf anki fil-Mosta.

Il-liċeo kien il-Belt u fi ftit minuti lanċa kont nasal.

Qabel bdiet il-gwerra kont inqatta’ ħafna ħin ix-xatt indur ma’ saqajn missieri u narah jaħdem. Dak iż-żmien ix-xatt ma kienx wiesa’ bħal-lum u lanqas kien jasal sal-ponta. It-triq kienet tieqaf xi mkien fejn hemm dak l-għar bil-Madonna, u jekk niftakar sewwa, dak l-għar konna ngħidulu l-Għar ta’ Mikelin. Niftakar sewwa  jew qed inħawwad?

Quddiem Dar S. Anna, fejn hemm il-kantuniera u fejn sa ftit ilu kien hemm mekkanik jaħdem, hemmhekk kien hemm gabbana ċkejkna. Illum ngħidulha kjosk. Bil-pulit. Ġurnata fost l-oħrajn, kien il-Ħadd, missieri kien qiegħed hemm jieħu xi flixkun birra u jien kont miegħu nixrob flixkun luminata.  Dak iż-żmien dal-ħafna xarbiet li hawn illum ma kinux jeżistu. Xarba waħda:  luminata. Jew bajda, jew ħamra. U aħna t-tfal, dejjem, konna nagħżlu l-ħamra. Ħin minnhom deffist irkoppti bejn il-ħadid ta’ saqajn il-mejda, u meta ġejt biex noħroġha  sibt li rkoppti kienet weħlet. Missieri tah tal-qamar u telaq jiġri lejn il-maħżen, erba’ passi bogħod, biex iġib xi ħaġa ħa jaqlagħhieli. Iżda rkoppti nqalgħet waħedha qabel wasal is-sokkors. Jidhirli li dik il-parti, fejn illum hemm slip, konna ngħidulha x-Xewkija.  Allura darba, waqt li kont quddiem id-dar tagħna fi Strada S Giuseppe, nara lil ħija ikbar minni, Alla  jaħfer lilu wkoll, dieħel id-dar, imxarrab għasra u wiċċ imqarras kważi jibki. Kien waqa’ l-baħar hemm, ix-Xewkija, u għal naqra ma għeriqx għax ma kienx jaf jgħum.

Il-port, dak iż-żmien, kien ikun fih għaxqa. Numru kbir ta’ bastimenti tal-gwerra kienu jkunu sorġuti fin-nofs bejn ix-xatt tal-Isla u x-xatt tal-Birgu.  Dak iż-żmien in-Navy Ingliża kienet fl-aqwa tagħha u l-bastimenti kienu jorbtu ma’ bagi kbar f’nofs il-port. Il-kbar nett kienu jorbtu fid-daħla tal-port, bejn ix-xatt tal-Belt u l-ponta tal-Isla. Fuq dawn il-bastimenti kont tara mijiet ta’ baħrin kulħadd għal xogħlu. Baħrin imdendlin mal-ġenb tal-bastiment jiżbgħuh bi xkupi kbar, baħrin mexjin fuq il-gverta, iqandlu jew iġorru xi affarijiet, jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku: jaqbżu ħbula, jibbuksjaw, jiġru.....Kont tara wkoll partita laneċ żgħar jiġru min-naħa għall-oħra biex iwasslu xi uffiċjali għoljin minn post għall-ieħor. Kienu jidhru wkoll vapuri ta’ rmonk, tug boats, miżbugħin ħomor,  ikarkru xi bastiment bil-ħsara biex idaħħluh fil-baċir. Iġebbdu xi ċattra kbira mgħobbija b’kull xorta ta’ oġġetti, jiġbdu dawk li jgħidulhom cooking lighters li kienu jipprovdu l-bastiment b’xi affarijiet tal-ikel......Niftakar ir-Robust,  ir-Roysterer u l-Ancient. Dan tal-aħħar mhux bl-iskrejjen kien jimxi, iżda b’żewġ roti kbar, waħda kull naħa. Paddle boat! Forsi għalhekk Ancient. Imbagħad tara xi lanċa tal-pass, isserrep bejn il-bastimenti biex tasal f’postha.

Ix-Xatt kien mimli ħwienet tax-xorb li kienu frekwentati ħafna mill-baħrin.  Dawn il-baħrin, kollha żgħażagħ, kienu jkunu ilhom ġimgħat sħaħ fuq il-baħar u kienu jkunu mxennqin minn kollox. Malli jinżlu l-art ġirja waħda għal dawn il-ħwienet  biex ipattu ta’ kemm ikunu ilhom f’nofs ta’ baħar.  Jixorbu, jkantaw, jiġġieldu, jiskru, jagħmlu ħbieb u jerġgħu jiġġieldu......sakemm jiġu għalihom tar-Red Cap u jkaxkruhom lura abbord. Mijiet oħra ta’ baħrin jippassiġġaw ix-xatt jew jistennew xi dgħajsa biex toħodhom lura fuq il-bastiment. Insomma kien ikun hemm kummerċ kbir.  F’kull sens!                                                             

Mhux biss. It-Tarzna tal-Ammiraljat dak iż-żmien kienet timpjega fuq l-għaxart elef ruħ. Kienet tarzna li trid tieħu ħsieb tal-bastimenti kollha tan-Navy Ingliża li jkunu fil-Mediterran; riedet tieħu ħsieb il-port bl-inġenji kollha li kien ikun fih u kienet tagħmel ukoll xogħol kummerċjali meta dak ix-xogħol ma kienx ikun jista’ jsir jekk mhux fit-tarzna. Parentesi ċkejkna:  Meta saret l-iskultura fil-koppla tar-Rotunda tal-Mosta kien hemm bżonn ta’ biċċa armar mhux biss inġenjuża, iżda wkoll goffa ħafna. Darba qaluli li ħafna minn dan l-armar kien inħadem it-tarzna. Pass lura. Allura malli jsir il-ħin u kienet iddoqq il-palomba (il-Mosta sirena jgħidulha), l-eluf ta’ ħaddiema tat-tarzna kienu jaħarbu ’l barra. Ħafna kienu joħorġu min-naħa ta’ Bormla, iżda ħafna oħrajn kienu joħorġu mill-Macina u ġirja waħda biex jilħqu l-lanċa li kienet twassalhom il-Belt. Ix-Xatt, eżatt quddiem il-latrina, kien hemm il-Pont tal-laneċ, konna ngħidulu. Dan kien għadu hemm anki wara l-gwerra. Kien hemm ieħor il-Birgu quddiem il-monument tal-Ħelsien u ieħor il-Belt.  Apparti ieħor tas-Sliema.

X’kien dan il-Pont? Dak iż-żmien la l-vapuri u lanqas il-laneċ ma kienu jitrakkaw max-xatt minħabba li l-baħar ma kienx fond biżżejjed.  Allura dan il-pont kien speċi ta’ ċattra kbira tal-injam u l-ħadid, mgħottija b’saqaf taż-żingu. Il-passiġġieri jitilgħu fuqha, isibu kaxxier fin-nofs jaqtgħalhom il-biljett u jibqgħu sejrin jirkbu l-lanċa li tkun trakkata mal-pont. Bħala tifel jien kont nieħu pjaċir noqgħod inħares ’l isfel fl-istiva ħalli nara raġel jimpala l-faħam fil-galley, li tgħidx kemm jibda jivvampja. Dan in-nar kien isaħħan il-misħun fil-boiler u allura jagħmel l-isteam li jħaddem il-magna.  Il-magni kienu għadhom jaħdmu bl-isteam. Għalhemm steamer u għalhekk vapur, minn vapore bit-Taljan.

Fil-port ukoll, f’kompetizzjoni mal-laneċ, kien ikun hemm biżibilju ta’ dgħajjes jistennew li jdabbru xi kirja biex jieħdu xi baħrin abbord jew iniżżlu xi baħrin l-art. Jingħad li minbarra x-xogħol normali tagħhom ta’ barklora, kien isir ukoll ħafna ‘negozju’ ta’ bejgħ, tpartit u serq bejn barklori u baħrin li jkunu spiċċawlhom il-flus. Kienu jitniżżlu ħafna affarijiet minn fuq il-bastimenti li ħafna drabi kienu jinbiegħu bl-irħis. Sigaretti, xorb, żebgħa... insomma kulma l-Bambin jipprovdi.

Bħala tfal konna nieħdu ħafna gost naraw baħrin fil-pruwa tal-bastiment tagħhom ixejru l-bandieri qishom qegħdin jaraw xi logħba futbol. Fil-fatt dawn kienu jkunu qegħdin jibagħtu messaġġi lil xi bastiment ieħor. U jekk ma jkunux qed ixejru bandieri, kienu jkunu qegħdin bi speċi ta’ searchlight żgħir quddiemhom jixegħlu u jitfu d-dawl. Dawn ukoll kienu jkunu qegħdin jibqgħtu messaġġi. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni dawk iż-żminijiet kienu għadhom primittivi għal kollox.

Fix-Xatt niftakar ċerti ħwienet partikulari. Ħdejn dar S. Anna, erba’ metri bogħod mill-maħżen  ta’missieri, kien hemm ħanut, naħseb ta’ mekkanik jew ħaddied. Kienu jgħidulu s-Sikki. Bħala tfal konna noqogħdu niġbru l-frak tal-ħadid li jaqa’ meta kien iħaddem jew it-torn jew xi trapan.... Qribu kien hemm ħanut tax-xorb, id-Dan Cow. Fil-gwerra waqa’ u ma reġax inbena. Kien fil-kantuniera kif iddur lejn il-ponta. Ieħor maġenbu, jidhirli biss, it-Trocadero? Sa ftit ilu x-xatt kont nara waħda minnhom – bħala tfal jien u hi konna nilagħbu flimkien. Dan l-aħħar ma rajthiex iżjed. Naħseb li d-dixxendenti ta’ dawn għadhom joqogħdu x-Xatt. Quddiem il-pont tal-laneċ kien hemm wieħed jikri l-karozzi. Dak iż-żmien il-karozzi kienu rarissmi. Kienu jgħidulu l-Kajxu. Fis-sajf ġieli ninżlu nieklu f’ħanut eżatt, jew qrib ħafna fejn kien dal-bniedem. Qed nikteb mill-memorja wara ħamsa u sebgħin sena. Jiġifieri dan li qed taqraw mhux vanġelu.  Iżda.....

Sadanittant, wieħed minn ħuti, Karmenu, kien daħal fil-MUSEUM (mużew). U m’hemmx għaliex ngħidu daħħal lili wkoll miegħu. Xejn xejn kont se nibda nipprepara biex nagħmel l-Ewwel Tqarbina. Niftakar il-mużew kien lejn il-Knisja ta’ S Flippu. Kien  f’side street, aħna u neżlin ’l isfel fi Strada Due Porte. Kienet side street max-xellug. Quddiemha, wara l-gwerra, kien hemm ħanut tal-ħaxix u merċa ta’ raġel ieħor ,li anki hu kien refuġjat il-Mosta u kien ħabib kbir ta’ ħija l-kbir. Il-Kirjolò kienu jgħidulu. U niftakar qisu l-bieraħ, ingħidu talba li meta kbirt tgħallimt li dit-talba kienet tingħad għax il-gwerra kienet waslet qrib ħafna. Talba lil S. Ġużepp:

                     O mqaddes Ġużeppi,

                      Fil-hemm li fih ninsabu,

                       Lejk nirrikorru   eċċ eċċ u nipiċċaw  billi nitolbu lil S. Ġużepp jeħlisna mill-orruri li qegħdin jeqirdu lid-dinja. M’hemmx għaliex ngħidilkom li dil-kelma orruri bilkemm naf xi tfisser illum, aħseb u ara! Iżda lilna t-tfal kienet togħġobna!

Kif rajna, ix-Xatt kien ikun hemm attività kbira ħafna. Iżda mhux biss ix-Xatt. Triq il-Vitorja wkoll kellha ħafna ħwienet u kummerċ mhux ħażin. It-triq dejjem iffullata bin-nies, jippassiġġaw, deħlin u ħerġin mill-ħwienet, ipaċpċu. Kien ikun hemm ħafna ħajja. Niftakar li xi mkien fejn kien hemm il-Madonna tan-Nofs, kien hemm sala tat-talkies; id-Domus konna ngħidulu? Darba żgur kont mort nara film hemmhekk. Dak iż-żmien ftit ferm kien hemm familji li kellhom karozza. Terġa’ l-familji kollha kien ikollhom partita tfal u allura l-maġġoranza assoluta tan-nies kienu jibqgħu fil-belt jew raħal tagħhom. Dak il-ħafna ħruġ tal-lum ma kienx jeżisti. In-naqra sfog tal-familji kien f’raħalhom stess. Dak iż-żmien mhux il-karozzi biss kienu rari ħafna, iżda  kważi kulma għandna llum ġo djarna anqas biss konna noħolmu bih.  Lanqas  ilma u dawl ma kont issibu fid-djar kollha. Ħafna rħula lanqas sistema ta’ drenaġġ ma kellhom. L-elettronika kollha li nafu biha llum, lanqas ħadd ma qatt kien sema’ biha u riedu jgħaddu ħafna snin wara l-gwerra biex dehru l-ewwel settijiet tat-TV. Meta t-temp kien jippermetti, ħafna familji kienu joħorġu s-siġġijiet barra u joqogħdu jpaċpċu. Fis-sajf, imbagħad, ħafna kienu jinżlu x-Xatt.

Sadanittant il-gwerra baqgħet riesqa lejna. F’Settembru tal-1939, l-Ingilterra u Franza kienu ġa ddikjaraw il-gwerra kontra l-Ġermanja, iżda billi l-ajruplani kienu għadhom ma jtirux ’il bogħod ħafna, lilna, hawn Malta, ma kinux jilħquna. Iżda kulħadd kien qed jistenna lill-Italja tidħol fil-gwerra. U l-Italja qrib tagħna. Allura kull tant żmien, madwar il-port kien isir dak li konna ngħidulu black out. Jintfew id-dwal kollha bħala preparazzjoni f’xi każ li jiġu xi ajruplani jitfgħu l-bombi. U spiss ħafna kien jinstema’ ħafna sparar ta’ kanuni li kienu bdew jintramaw madwar Malta kollha. Jien kont nibża’ kemm mid-dlam kif ukoll mill-isparar u ħafna drabi kont insib refuġju f’ħoġor ommi. Allura din kienet tressaq ħalqha ma’ widnejja u tgħidli l-kelma maġika: Manuvri. Xi tfisser dil-kelma ma kontx naf, iżda moħħi mistrieħ li la manuvri,  u la qalithieli ommi, allura m’hemmx minn xiex nibża’.

Ma għaddiex wisq  żmien li ma bdewx  jitħaffru x-xelters. Kollox kien juri li l-gwerra ma kinitx bogħod minna. Numru kbir ta’ ħaddiema jaħdmu bla waqfien biex iħaffru dawn ix-xelters li eventwalment  salvaw mijiet ta’ ħajjiet. U meta fis-sebgħa ta’ filgħodu, 11 ta’ Ġunju 1940 bdejt nisma’ l-isparar, ommi ma qalithilix il-kelma manuvri. Ma qaltli xejn anzi.  Sempliċement qajmitni, libbsitni u.....l-kumplament tafuh.

 

Giov DeMartino  - April 2015

Add comment


Security code
Refresh

Follow Us

Newsflash: