Fuq il-Bank

'Dejjem hawn dawn, jieħdu t-te u l-pastizzi! Ara jgħidux li qed ibatu!’ qal bejnu u bejn ruħu s-Sur Benjamin, hu u ħiereġ mill-karozza pinna u tleqq bid-dawl tax-xemx fuqha li kien għadu kemm xtara xi ftit xhur ilu. ‘Naħseb ħaqqni karozza ġdida. Mhux il-ħin kollu naħdem jien, u nistinka? Ingawdi ftit jien għal darba, nista’! Mhux dejjem taraw x’ħa tivvintaw tal-ispejjeż int u t-tfal!’ kien jgħid lil martu waqt xi argument jaħraq wara ġurnata xogħol, minħabba li martu kienet toqgħod tilmenta miegħu li la hi u lanqas it-tfal ma kienu qed igawduh.
 
‘Dejjem tara x’ser taqbad dik,’ kien jaħseb hu u sejjer għall-uffiċini tal-kumpanija, li kien għadu kif espanda peress li beda jagħmel suċċess dan l-aħħar. Għadda sal-pjazza, kif kien jagħmel bħas-soltu f’nofsinhar, u bħal dejjem kien hemm Pietru u Fredu bilqiegħda fuq il-bank ta’ faċċata tal-ħanut tax-xorb. Sakemm kien ikun għall-kenn ta’ xi siġra waqt il-brejk biex jiekol dak li tkun ippreparatlu martu għax-xogħol, kien jedha jarahom iqumu wieħed imbagħad l-ieħor, u jaqsmu jixtru xi ħaġa oħra mill-ħanut ta’ faċċata biex jimlew żaqqhom, għalkemm bla dubju ta’ xejn it-tobba kienu kontra li dawn iż-żewġ pensjonanti jagħmlu minn kollox biex ikomplu jkabbru dik iż-żaqq qisha tanbur li kellhom! Fuq fommu kienet titqanqal tbissima meta jimmaġina kif id-Dottor Pace tal-pressjoni, b’għajnejh iżebbġu ’l hawn u ’l hinn sakemm isib fejn jipparkja qrib kemm jista’ jkun tal-ispiżerija u b’wiċċu dejjem ruxxan bin-nervi li kienu jqabbduh il-pazjenti li ma jisimgħux minnu, jibda jbiddel il-kuluri jekk jaqbadhom iqarmċu pastizz wara l-ieħor u xi qassata meta jkollhom aptit ibiddlu t-togħma.
 
Kiel il-ftira mħawra biż-żebbuġ u l-kappar u qabdu l-għatx, iżda l-flixkun tal-ilma kien nesieh warajh l-uffiċini. Qabad il-bagalja tal-ġilda li qala’ bħala rigal f’għeluq sninu mingħand oħtu u għamel triqtu għall-ħanut biex jixtri flixkun luminata. Lanqas laħqu rawh Pietru u Fredu li m’għamlulux sinjal għal ħdejhom, u hu, wara li ħares lejn il-ħin u ra li kien għad fadallu sew qabel imur ikompli bil-laqgħat li kellu ppjanati għal waranofsinhar, mar għal ħdejhom.
 
“Haw’! Kif int, Sur Tanti? Orrajt, sieħbi?” laqgħu Fredu, b’ħalqu mimli frak tal-qassata tal-irkotta.
 
Qabeż Pietru u qallu, “Dejjem orrajt narah lill-ħabib tagħna; hux hekk, Ben? U x’karozza faqqajtilna, eh! Kemm ħadtha? Kif kien jgħid missieri, Alla jaħfirlu: flus ma’ flus u qamel ma’ qamel.”
 
“Mhux ħażin, Piet. Ħeqq, u l-karozza ħdimt għaliha jien!” kompla Benjamin, bħallikieku biex jaċċertahom li l-flus iġibhom b’mod onest u jurihom li kien ħaqqu jinvesti f’karozza bħal dik.
 
“U sewwa tagħmel, Ben. La għandek, gawdi; mhux hekk, Piet?”
 
“U hekk ngħid jien, iżda xejn ma ngħid, il-flus mhux kollox!” U ħares lejn in-negozjant ta’ skola liebes pulit b’bagalja f’idu. ‘Dan xi jrid jgħid biha?’ issuppervja Ben.
 
“Imma jien ma naħdimx għall-flus biss; ix-xogħol itini sodisfazzjon,” irribatta, biex jerġa’ jqum mit-tisbita li tah dak il-biċċa ta’ xiħ mixħut fuq il-bank.
 
“Jien m’għedtlekx li x-xogħol u l-flus mhumiex sbieħ. Anzi, mingħajr flus la tgħannaq u lanqas tbus; imma ridt infiehmek… Insomma, naqilbu s-suġġett, għax mhux qed niftiehmu. Kif inhi ommok? Ilek xejn ma tmur taraha mal-familja tiegħek? Taf kemm tieħu pjaċir kieku, miskina!” kompla Pietru, bl-intenzjoni profonda li jġiegħel lil dak iż-żagħżugħ ta’ quddiemu, dritt dritt u li tiegħu kollox tajjeb, jirrifletti ftit.
 
“Naħseb mhux ħażin…”
 
“Taħseb? Ukoll! U fuq ommok qed nitkellmu!”
 
“Isma’, Piet, jien ikolli x’nagħmel ta! Ejja prova qatta’ ġurnata f’xogħli ħa tara xi stress u impenji għandi! Jien mhux bħal dawk ta’ daqsi li dejjem bilqiegħda hemm ġew jixorbu l-birra lejl u nhar ta!”
 
“Titmasħanx, ejja, żagħżugħ! Ikkalma, ħi, għax tinqata’ xi vina minn rasek… Kelma qallek,” qabeż Fredu, li induna li d-diskussjoni ta’ bejn dawk it-tnejn kienet ħadet bixra differenti, bil-botti jingħadu b’mod sottili.
 
“Ara, sarli l-ħin,” qata’ l-konverżazzjoni bil-pulit, wara li ta ħarsa ħafifa lejn l-arloġġ jiswa fuq il-ħames mitt ewro li kellu f’idu Benjamin.
 
“Mur, u kun imbierek!” qalu t-tnejn ta’ bilqiegħda b’mod sinkronizzat, daqslikieku kienu jispiċċaw kull konverżazzjoni ma’ xi ħadd bl-istess mod. Benjamin b’pass mgħaġġel mar għall-karozza u rikeb biex jitlaq. Fit-triq waqt li qed isuq baqa’ jaħseb fi kliem Pietru, u l-kuxjenza ħassha tippreżentalu quddiem għajnejh minn xiex beda jonqos dan l-aħħar: kull tilwima ma’ martu, kull wiċċ imbikki li kienu jtuh uliedu meta jmorru jiġru jgħidulu li l-iskola kienet se torganizza xi ħarġa li fiha jistgħu jattendu l-ġenituri, jew reċta għall-jum tal-għoti tal-premjijiet, u jgħidilhom li għandu x’jagħmel, u kull darba li martu tiġi bit-telefown ħdejh fil-kamra tal-istudju li kellu d-dar, b’infermiera fuq il-linja mid-dar tax-xjuħ tgħidlu li ommu xtaqet tisma’ kemm kemm leħnu, u jkeċċiha għax ikollu ħafna xogħol.
 
Tefa’ l-karozza f’ġenb tat-triq u ċempel lil Mariana, is-segretarja. “Tanti Negotiates. How may I help you? Eh, int, Sur Tanti? Għidli… eħe… Orrajt, kollox sew… Le, le, għadhom ma waslux; għadu l-ħin… Iva, iva, issa stess ħa nċemplilhom… Orrajt… Ċaw u l-kumplament tal-ġurnata t-tajba.”
 
Dawwar il-karozza u biddel ir-rotta. Ftit minuti wara pparkja fil-parking tad-dar tax-xjuħ u għadda jixtri pasta tal-krema minn ħanut qrib, ta’ dak it-tip li kienet tħobb ommu.

Comments  

 
0 #1 Jesmond Grima 2016-01-26 16:31
Proset kemm hi sabiha din l-istorja. Fiha taghlima tajba.
Quote
 

Add comment


Security code
Refresh

Follow Us

Newsflash: