Emilio Lombardi
Min kien EMILIO LOMBARDI?
Emilio Lombardi twieled fl-1881 u sa minn meta kellu ħmistax-il sena beda jħarreġ it-talent tal-kitba.
Kienu bosta l-kotba li kiteb u varji fis-suġġetti tagħhom. Kiteb kotba b’suġġett reliġjuż u oħrajn b’suġġett profan li fil-maġġuranza tagħhom huma rumanzi bbażati fuq fatt fl-istorja ta’ Malta jew ta’ pajjiżi oħra tad-dinja.
Fost il-kotba reliġjużi nsibu L-Istorja Sagra, miktub bħala rakkont tal-Bibbja, mill-bidunett tal-ħolqien tad-dinja sal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Insibu wkoll fost il-kotba reliġjużi Il-Ħajja ta’ Kristu u l-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, L-Istorja tal-Knisja u L-Ħajja ta’ Missierna San Pawl.
U min qatt ma sema bil-kittieb Emilio Lombardi bħala rumanzier? Ir-rumanzi tiegħu huma magħrufa sewwa specjalment fost dawk ta’ età medja u l-anzjani, għax sa min età żgħira, beda jistampa huwa stess, dawk il-kotba li kien jikteb u jxerred fost il-qarrejja tal-Malti, kotba sbieħ għal idejn kulħadd. Huwa kien ibigħ dawn il-kotba taħt forma ta’ faxxikli u jqassamhom bieb bieb lill-abbonati. Fost dawn il-kotba li jgħoddu ’l fuq minn tmenin, wieħed biżżejjed isemmi L-Għama ta’ Lourdes, Is-Sigriet tal-Qrar, L-Iltiema u L-Għamja li nqaraw għal diversi drabi fuq il-mezzi tax-xandir.
Għalkemm l-ilsien Malti kien għadu ma jinkitibx kif nafuh illum, Emilio Lombardi qatt ma qata’ qalbu jikteb dawn ir-rumanzi, filwaqt li dejjem żamm ir-regoli tal-kitba kif kienu jafuhom dak iż-żmien. Iktar tard, xi wħud mir-rumanzi tiegħu reġgħu ġew stampati bil-Malti ta' l-Għaqda, kif kienu jsejħulu, jiġifieri kif jinkiteb illum.
Huwa dam jikteb għal ħamsin sena sħaħ u l-aħħar ktieb tiegħu kitbu fl-1946. Dan kien jismu L-Forza tad-Destin li ġie stampat fl-1950.
Emilio Lombardi miet f’Ġunju ta’ l-1956. Huwa qatt ma kellu idea kbira tiegħu nnifsu. Huwa kien umli u kien isejjaħ xogħlu ‘x-xogħol miżeru tiegħi’ u kien jiffirma fid-daħla tal-kotba tiegħu 'Id-dilettant Emilio Lombardi'.
Min hu l-Editur tar-rumanzi ta’ Emilio Lombardi?
Salvinu Lombardi, huwa n-neputi ta’ Emilio Lombardi (1881-1956).
Twieled f’tas-Sliema fl-1939. Wara l-Liceo huwa daħal apprendista fit-Tarzna bħala ‘Shipwright’, fejn dam sitt snin. Fl-1960 impjega ruħu bħala skrivan fis-Servizz Ċivili. Hawn baqa’ tiela’ minn grad għall-ieħor sakemm sar ‘Principal’.
Salvinu illum huwa rtirat u medhi bir-rumanzi ta’ nannuh għax jinsab ħerqan li jippubblika kemm jista’ minnhom. Ir-rumanzi ta’ Emilio Lombardi huma tajbin għall-kbar u għaż-żgħar u fihom ħafna tagħlim storiku, soċjali u morali.
Authors
- Anton B. Dougal
- Albert W. Agius
- Charles Daniel Saliba
- Charles Micallef St John
- Edmond Zarb
- Edward Attard
- Emmanwel F. Attard
- Emilio Lombardi
- Francis Xavier Aloisio
- George Cassar
- Gino Lombardi
- Godwin Vella
- Gordon Weston
- Guido Bonett
- Horatio Vella
- Joe Bugeja
- Joe Vella Gauci
- Joseph A. Briffa
- Joseph Sultana
- Lenie Reedijk
- Lino Briguglio
- Lydia Sciriha
- Mario Cutajar
- Marthese Fenech
- Robert L. Dauber
- Martin Morana





Comments
Doris Gauci. (Balzan)
Silvia Zammit (Naxxar)
Joan Zahra (Gudja)
Emanuel Azzopardi (Gzira)
RSS feed for comments to this post