Charles Micallef St John

Charles twieled il-Gżira fid-9 ta’ Lulju 1944. Trabba fi żmien meta Malta kienet għadha ħierġa mit-tifrik li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija u meta l-familji kienu kbar, riżultat tal-baby boom li beda hekk kif il-gwerra bdiet titbiegħed minn xtutna. Trabba fi żmien meta t-tfal kienu jilgħabu fit-triqat u l-għelieqi. Meta karozza kienet lussu u rari tinterrompi logħba ballun fit-triqat. Meta s-subien kienu jilgħabu bil-boċċi u l-bniet biż-żibeġ. Meta t-tfal kienu jaħlu l-enerġija u jikkuntentaw rwieħhom b’kollox.

Charles minn ċkunitu kien attiv fiżikament u l-logħob tal-ballun kien il-passjoni ta’ ħajtu u ma kienx ikun hemm okkażjoni li ma kienx jaħtafha. Meta għalaq il-ħmistax-il sena skopra li kellu talent għal-ġiri u matul it-tliet snin li għamel jikkompeti fuq skala nazzjonali tista’ tgħid li rebaħ kull unur fil-qasam tad-distanza medja u fit-tul, u stabilixxa records nazzjonali meta kien għadu junior. Sadanittant kien anke jilgħab il-futbol fl-ogħla livell mal-Gżira United.

Daħal il-Liċeo ta’ ħdax-il sena u spiċċa ta’ sittax fl-1960. Ftit xhur wara, jiġifieri f’Ġunju tal-1961, daħal jaħdem bħala Clerk Typist mal-Gvern. Tul aktar minn erbgħin sena ta’ karriera Charles ħadem f’diversi dipartimenti u fost nies minn kull qasam tas-soċjetà Maltija. Dan kollu għenu biex jifhem aktar l-esperjenzi differenti tal-ħajja. Fil-fatt Charles jgħid li l-vera edukazzjoni tiegħu bdiet fil-15 ta’ Ġunju 1961 – l-ewwel jum tiegħu tax-xogħol.

Charles dam ftit biex beda japprezza l-ktieb. Kienu ħbieb tiegħu, fosthom il-Professur Joseph M. Pirotta, li bl-eżempju tagħhom beda jaqra l-ewwel kotba. Kellu erbatax-il sena dak iż-żmien. Iżda minn dakinhar ’l hawn lil Charles qatt ma ssibu mhuwiex jaqra ktieb.

Il-qari ta’ Charles mhuwiex diskriminatorju. Jgħid li hu jaqra kull tip u ġeneru ta’ ktieb, u qatt ma beda wieħed mingħajr ma baqa’ jaqrah sal-aħħar anki jekk ikun qed idejqu għax isostni li ktieb dejjem ikun fih xi ħaġa li tgħallem. Isostni wkoll li biex wieħed jikteb jeħtieġlu jaqra kull ma jiġi f’idejh.

Charles minn dejjem xtaq li jkollu x-xorti jikteb imqar novella u tkun ippublikata anki f’antoloġija. Kien jgħir f’sens tajjeb għal min kien kittieb u meta darba qatagħha li jibda jikteb kellu f’moħħu biss storja qasira. Din l-istorja qasira żviluppat fl-itwal xogħol Malti fil-qasam fittizzju. Suwed ulied il-lejl, l-ewwel xogħol tiegħu f’erba’ volumi, huwa saga ta’ familja tipika Maltija minn Ħal Qormi. Tibda fl-aħħar kwart tas-seklu dsatax u tispiċċa madwar mitt sena wara. Ix-xogħol kollu fih madwar elfejn paġna u tant kien suċċess li kellu jerġa’ jiġi stampat.

Is-suċċess ta’ dan ix-xogħol kien ta’ inkoraġġiment għal Charles. L-aħħar xogħol tiegħu, L-olimpjadi tad-Dagħa, huwa xogħol għal kollox differenti. Huwa xogħol ta’ umoriżmu mill-bidu sal-aħħar u forsi l-ewwel xogħol ta’ dan il-ġeneru għal ħafna snin.  

Add comment


Security code
Refresh

Follow Us

Newsflash: